Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Protezzjoni tat-Tfal, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care (NFCAM) tfakkar u tenfasizza l-importanza li t-tfal jitrabbew u jikbru fl-imħabba ta’ familja li tgħożżhom u tirrispettahom għaliex din tagħtihom is-sigurtà u l-istabbiltà neċessarji biex jiżviluppaw il-ħiliet sħaħ tagħhom.
Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni tisħaq li dan id-dritt huwa wkoll enfasizzat fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tad-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) (UN, 1989) u l-Linji Gwida dwar il-Kura Alternattiva tat-Tfal (UN, 2010) li Malta hija firmatarja tagħha u obbligata li tonora. Ir-relazzjonijiet li t-tfal jibnu fil-familji inkluż fil-foster care jibqgħu iservu ta’ mudell u sostenn għall-kumplament ta’ ħajjithom.
Sfortunatament f’Malta hawn numru ta’ tfal li ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom u li għadhom mhumiex qed jgħixu ma’ familja alternattiva. Il-foster care huwa l-għażla naturali għal dawn it-trabi, tfal u żgħażagħ għaliex jassigura l-istabbiltà li tant jeħtieġu fit-trobbija tagħhom.
L-Assoċjazzjoni tħeġġeġ biex jissaħħu s-servizzi eżistenti u jinħolqu oħrajn li jagħtu sostenn lill-foster carers fl-impenn tagħhom biex iħarsu lit-tfal l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna biex ebda wieħed jew waħda minnhom ma jkollhom għalfejn jerġgħu jbiddlu l-familja li jkunu qed jitrabbew magħha. Investiment f’dan is-settur jassigura li t-tfal kollha jgawdu d-dritt fundamentali li jgħixu fl-imħabba ta’ familja u dawk it-tfal li għadhom qed jgħixu fl-abbuż jingħataw ħarsien mingħajr telf ta’ żmien.
L-Assoċjazzjoni Nazzjonali Maltija tal-Foster Care taħdem favur drittijiet sħaħ għat-tfal li jinsabu f’ħarsien alternattiv u toffri sostenn u vuċi lil dawk li jieħdu ħsiebhom.