Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Adrian Delia qal li se jinjora lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara li injora d-direttiva tal-Partit Nazzjonalista li d-deputati tiegħu ma jiddiskutux kwistjonijiet interni fil-midja soċjali.
B’reazzjoni għar-riżenja ta’ Mark Anthony Sammut minn President tal-Eżekuttiv tal-PN, Azzopardi attakka lil Delia u kiteb fuq Facebook li min ma kellux sehem fit-tfassil tal-istrateġija politika qed jerfa’ r-responsabbilità u jirriżenja u min fassalha u wettaqha qed jigi jaqa’ u jqum.
Bi tweġiba għal din l-akkuża, Adrian Delia qal li “jiena naħseb li se ninjora lil Jason Azzopardi għax naħseb li għamilha mhux l-ewwel darba imma kemm-il darba u naħseb li dan ma jagħmilx ġid lill-partit. Naħseb li Jason Azzopardi għandu jerfa’ wkoll ir-responsabbiltà tiegħu, u jara u jispjega lin-nies kif l-aġir tiegħu fil-pubbliku qed jgħin lill-partit.
Mistoqsi jekk hux se jitolbu jirriżenja, Delia qal li dak irid jarah hu. “Lil Jason Azzopardi jien dejjem ipprovajt ninvolvih, imma ma naħsibx li għandi noqgħod nitlef ħin biex nagħti kas dak li jitkellem dwaru fil-midja soċjali u sostna li m’għandux x’ħin x’jaħli aktar miegħu.