Id-deputat Nazzjonalista Għawdxi Chris Said irid li s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini jieħdu deputat Għawdxi Kevin Cutajar u mhux Jean Pierre Debono li fil-bidu tal-leġislatura ċeda s-siġġu tiegħu biex Adrian Delia seta’ jidħol fil-Parlament bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Said għamel l-appell tiegħu fuq Facebook, ftit tal-ħin qabel ma jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jiddeċiedi min se jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini li rriżenja mill-Parlament din il-ġimgħa, wara l-ikbar telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia trid lil Jean Pierre Debono jieħu s-siġġu parlamentari. Filwaqt li l-fazzjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil qegħdin jużaw lil Kevin Cutajar, kandidat għawdxi sabiex jieħu s-siġġu parlamentari flok Stellini.
Said kiteb li meta fl-2004 Josef Bonnici kien inħatar fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri kien tkellem bis-saħħa sabiex jiġi co opted deputat mis-7 distrett u ġie elett Joe Cassar.
Said kiteb ukoll li fl-aħħar jumejn kellmuh ħafna Għawdxin u qalulu li jkun żball enormi jekk il-Partit Nazzjonalista jarmi lil Għawdex, f’każ li ma jiġix elett Kevin Cutajar mid-distrett ta’ Għawdex flok David Stellini.
Chris Said kiteb hekk fuq facebook fl-stess ħin li l-viċi kap Nazzjonalista David Agius kien fuq Xarabank u kkritika lil dawk l-esponenti Nazzjonalisti li qegħdin imorru fuq facebook u jgħidu li jridu lil Kevin Cutajar jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Stellini.
Dan flok ma jiddiskutu din id-deċiżjoni fl-istrutturi interni tal-Partit Nazzjonalista. Madankollu, Said qal li ma setax jagħmel dan għax qal li m’għandux vot fl-Eżekuttiv tal-partit u fil-ħin qasir mindu ssejħet il-laqgħa, qal li kien imposibbli li jkellem lill-membri tal-eżekuttiv kollha.