Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fetħet uffiċjalment l-ewwel edizzjoni tal-Gozo Business Expo.
Waqt id-diskors tal-okkażjoni, il-Ministru Caruna qalet li din l-expo tikkumplimenta mal-viżjoni li adotta l-gvern li jagħmel lil Għawdex mutur ekonomiku ewlieni fit-tkabbir li qed jesperjenza pajjiżna bħalissa. Il-Ministru qalet li din l-attività qed toffri esperjenza unika fejn kumpaniji żgħar u medji jiltaqgħu taħt saqaf wieħed u jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom.
Il-Ministru Caruana rrimarkat li l-Ministeru għal Għawdex qed jilgħab l-irwol importanti li jixpruna l-investiment u jwitti t-triq biex aktar azjendi jistabbilixxu f’Għawdex. “Bl-inizjattivi li adottajna, ewlenin fosthom dawk fiskali u finanzjarji, qed nattiraw lejn Għawdex industriji li qabel ma kellhomx rappreżentanza f’Għawdex”, qalet il-Ministru għal Għawdex. Semmiet l-investiment dirett barrani ta’ Barts u Stewards fil-qasam tas-saħħa u dak ta’ Noovle fil-qasam tat-teknoloġija u tal-blockchain.
Il-Ministru għal Għawdex semmiet li l-Ministeru qed verament jindirizza l-isfida tal-konnettività fuq diversi binarji ewlenin fosthom bl-introduzzjoni tar-raba’ vapur. “Permezz ta’ żieda ta’ vapur ieħor fil-flotta tal-Gozo Channel se nkun f’pożizzjoni li jkollna vapur iddedikat biss għall-merkanzija u li se jaħdem fuq skeda. Dan se jagħti aktar spazju biex nippjanaw filwaqt li l-klijent ikun moqdi aħjar”.
“Apparti hekk ħriġna espressjoni ta’ interess biex jerġa’ jibda jopera s-servizz tal-helikopter fuq skeda, ikkonkludejna l-ftehim biex jiġi installat it-tienifiber optic cable u għaddejjin ġmielhom il-pjanijiet biex tiġi implimentata l-mina bejn il-gżejjer”, qalet il-Ministru Caruana.
Il-Ministru ferħet lill-organizzaturi u lill-esebituri kollha li qed jieħdu sehem fil-Gozo Expo waqt li awguratilhom kull suċċess.