L-Avukat Paul Cachia nħatar Chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta skont is-sub-artikolu (2) tal-Artikolu 4 tal-Att dwar l-Arbitraġġ, (Kapitolu 387 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Il-membri tal-Bord tal-Gvernaturi huma:
- Dott. Paul Cachia, Chairperson
- Dott. Anna Mallia, Deputy Chairperson
- Dott. Chris Cilia, Membru
- Dott. Andrew Sciberras, Membru
L-Avukat Cachia hu avukat prattikanti bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi Ċivili, fil-Liġi Ewropea, fil-Liġi Internazzjonali Privata u fil-Liġi tal-Assigurazzjoni. Hu gradwa mill-Università ta’ Malta fl-2003 u wara kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Oxford fir-Renju Unit fejn kiseb il-Magister Juris (M. Jur.) u l-Masters tal-Filosofija fil-Liġi (M. Phil) b’distinction fil-Liġi Ewropea u fil-Liġi Internazzjonali Privata. L-Avukat Cachia hu Chevening scholar.
Mill-2008 sal-2010 ħadem bħala avukat fil-Kummissjoni Ewropea fi Brussell u matul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppresjeda fuq il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill fil-qasam tal-Ġustizzja Ċivili, li għadu jifforma parti minnu sal-lum.
L-Avukat Cachia hu lettur fid-dipartimenti tad-Dritt Ċivili u tad-Dritt Pubbliku fl-Università ta’ Malta. Matul il-karriera tiegħu l-Avukat Cachia ppubblika diversi artikli akkademiċi inklużi fil-European Law Review u fil-pubblikazzjoni riċenti l-Enċiklopedija tad-Dritt Internazzjonali Privat.