Il-kandidat Nazzjonalista Għawdxi Kevin Cutajar ħabbar li s-Sibt filgħodu se jkun jattendi għall-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista sabiex jitlob is-siġġu ta’ David Stellini u li aktar qabel kien ta’ Marthese Portelli.
Fuq Facebook, Cutajar qal li dan is-siġġu għandu jimtela minnu biex isseħħ ir-rieda tal-votanti Għawdxin li wara David Stellini għażlu lilu fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
“Bid-deċiżjoni tiegħi, diġà infurmajt lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u lill-uffiċjali kollha tal-Partit Nazzjonalsita. Jien persważ li l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ser jirrispetta l-vot tal-Għawdxin għax il-Partit Nazzjonalista hu l-Partit ta’ Għawdex bil-fatti”, kiteb Cutajar.
Huwa żied jagħti ħajr lil dawk il-ħafna nies Għawdxin u Maltin li fl-aħħar jiem qal li urewh l-appoġġ tagħhom biex jaħdem għas-siġġu li kien ta’ David Stellini.
Isem Cutajar beda jiġi imbottat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ftit tas-sigħat biss wara li Stellini ħabbar ir-riżenja tiegħu mill-Parlament.
Kien id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina li mar fuq Facebook u qal li bix-xieraq is-siġġu għandu jimtela’ minn Cutajar bħala persuna b’diżabilità u Għawdxi.
Il-messaġġ tiegħu xxerred mill-ex Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u Therese Comodini Cachia li wkoll ġejjin mill-fazzjoni ta’ Busuttil.
Messaġġ li ħoloq rabja kbira mid-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari mill-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li qegħdin isostnu li s-siġġu għandu jimtela’ minn Jean Pierre Debono li kien hu li ċ-ċeda s-siġġu Delia biex seta’ jieħu postu fil-Parlament.