Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sal-aħħar ta’ April li għadda, in-nefqa kapitali tal-Gvern żdiedet b’wieħed u ħamsin miljun u mitejn elf ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet u laħqet il-mija u erbgħa u erbgħin miljun ewro.
L-NSO qal li żieda fin-nefqa kapitali marret għal investiment akbar fit-toroq ta’ pajjiżna u għal inċentivi għall-investiment fost inizjattivi oħrajn.
L-uffiċċju tal-istatistika żied jirrapporta li d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ tal-Gvern fl-ewwel erba’ xhur tas-sena kienet tammonta għal mija u erba u erbgħin miljun ewro. Dan minħabba żieda fin-nefqa rikurrenti u kapitali tal-Gvern.
Fl-istess waqt l-imgħaxijiet fuq id-dejn tal-pajjiż kienu jammontaw għal ftit aktar minn 66 miljun ewro, li jfisser tnaqqis ta’ tmien miljun u sitt mitt elf ewro meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.