Wara li żvela dehra kompletament differenti u introduċa 13-il ditta ġdida ta’ fwejjaħ u prodotti ta’ sbuħija, il-ħanut Dufry fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta reġa’ tejjeb l-esperjenza tax-xiri għall-passiġġieri bit-tnedija ta’ Reserve and Collect.
L-iskema Reserve and Collect tippermetti lil min ikun ser jivvjaġġa dalwaqt li, mill-kumdità ta’ daru, iqalleb katalgu li jinsab onlajn u li joffri mijiet ta’ prodotti inklużi nbejjed fini u spirti, prodotti tas-sbuħija ta’ ditti rinomati, ċikkulati u għażla sħiħa ta’ prodotti esklussivi għall-ajruport, qabel il-vjaġġ tiegħu mill-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta.
Persuni li jkunu se jivvjaġġaw, issa jistgħu jixtru permezz ta’ Reserve and Collect, bejn 30 jum
- 24 siegħa qabel it-tluq tat-titjira tagħhom. Fil-jum tal-vjaġġ tagħhom imbagħad ikunu jistgħu jaqbżu l-kju u jiġbru l-ordni tagħhom mill-bank riżervat għall-ordnijiet li jkunu saru permezz ta’ Reserve and Collect. Barra li tiffaċilita x-xiri mill-ħanut ta’ Dufry, l-iskema Reserve and Collect għandha marbut magħha skont ta’ 10% fuq il-kont tal-utenti tagħha.
Dufry, kumpanija Żvizzera li tispeċjalizza f’offerti ta’ bejgħ għal persuni li jkunu qed jivvjaġġaw, topera f’madwar 2,200 ħanut madwar id-dinja, reċentement iffirmat ftehim ta’ konċessjoni għall-operat tal-ħanut ta’ bla dazju tal-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta sal-2026.