F’Budapest fl-Ungerija ġie arrestat il-kaptan tal-bastiment li jumejn ilu ħabat ma’ dgħajsa żgħira tat-turisti fix-xmara Danubju – liema inċident ħalla seba’ persuni bla ħajja.
Ir-raġel ta’ erbgħa u sittin sena mill-Ukrajna qed ikun akkużat li saq b’mod traskurat il-bastiment, tant li wassal għal bosta mwiet.
Id-dgħajsa ż-żgħira li kienet qed iġġorr turisti mill-Korea t’Isfel, għerqet seba’ sekondi biss wara l-ħabta mal-bastiment.
Wieħed u għoxrin persuna għadhom ma nstabux, u qed tisfaxxa fix-xejn it-tama li jinstabu ħajjin.
Dwar il-każ infetħet investigazzjoni kriminali li qed tittieħed b’serjetà kbira, hekk kif normalment it-trasport bil-baħar fuq din ix-xmara huwa meqjus ġeneralment sigur.