L-aġenzija Transport Malta approvat lil CAP HPI UK Ltd. bħala aġenzija oħra li tipprovdi ċertifikazzjoni ta’ Odometer għall-vetturi li ġejjin mill-Ingilterra, Wales, l-Iskozja u l-Irlanda.
Dan ifisser li flimkien mal-kumpanija JEVIC, issa CAP HPI UK Ltd. se tkun qed tiċċertifika li l-mili jew kilometri li hemm fuq l-Odometer fil-vetturi impurtanti mill-pajjiżi msemmija hawn fuq ikun wieħed ġenwin u mhux wieħed irranġat. Dan il-kejl isir sabiex il-konsumaturi ma jkunux imqarqa anke fejn tidħol ir-reġistrazzjoni tat-taxxa.
Iċ-ċertifikazzjoni tal-Odometer jintuża għar-reġistrazzjoni tal-vettura li tkun importata minn stat membru tal-Unjoni Ewropea. Wara li tkun ksibt il-valur tat-taxxa tar-reġistrazzjoni u tkun saret l-ispezzjoni tal-vettura tiegħek, bħala parti mir-reġistrazzjoni tal-vettura f’pajjiżna, apparti ċ-ċertifikat oriġinali tar-reġistrazzjoni (Log Book) u d-dokument ta’ valutazzjoni, għandhom ikunu preżentati numru ta’ dokumenti oħra fosthom dak tal-awtentiċita tal-Odometer.
Is-sit elettroniku ta’ CAP HPI UK Ltd. – https://odometer.cap-hpi.com/malta toffri servizzi effiċjenti ta’ verifikazzjoni tal-Odometer għall-vetturi kollha li jkunu se jitilqu mir-Renju Unit biex jiġu Malta. Din is-sistema tħalli lill-konsumatur biex jidentifika, jiċċekja, jħallas u jivverifika dan kollu f’inqas minn minuta. Apparti min hekk l-istess sit joffri wkoll assistenza għall-mistoqsijiet li jkollhom il-konsumaturi.
L-ispiża ta’ din il-verifikazzjoni hija ta’ €30 u din titħallas direttament lil CAP HPI UK Ltd.