“Kunu kburin b’Malta li se tirrappreżentaw”- il-President Vella – One News

Notifiki

“Kunu kburin b’Malta li se tirrappreżentaw”- il-President Vella

Fl-ewwel laqgħa annwali mal-ambaxxaturi Maltin, il-President ta’ Malta George Vella appella biex ilkoll ikunu kburin b’Malta li jirrappreżentaw. Huwa qal li dan għandu jsir billi lil Malta jiddefenduha bi professjonalità u lealtà, fuq kollox għall-valuri li pajjiżna jħaddan.

Fid-diskors tiegħu huwa saħaq fuq l-importanza li lkoll jaħdmu flimkien, mingħajr ma jħarsu lejn l-uċuħ. Huwa tkellem dwar sfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja fosthom is-sitwazzjoni fil-Libja. Stqarr li l-biża’ tiegħu hi li bħala riżultat, in-nuqqas ta’ azzjoni timaterjalizza f’kunflitt wara biebna.

Il-President qal li hemm numru ta’ raġunijiet għaliex ma rridux inħallu dan iseħħ, fosthom minħabba it-tkabbir ekonomiku u l-istabbilta tal-pajjiż kif ukoll minħabba s-sigurtà ta’ reġjuni bħall-Afrika ta’ fuq u Sahel kif ukoll l-immigrazzjoni.

Huwa staqsa jekk il-komunità internazzjonali sfortunatament dratx bil-kunflitt fil-Lvant Nofsani u fisser kif dan ma nistgħux nħalluh isir hekk kif il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni minn Israel u l-Palestina qed tkompli tkun f’periklu ma’ kull jum li jgħaddi.

Il-President Vella tkellem ukoll dwar il-każ tal-qtil tal-immigrant Lassana Souleymanne. Hawnhekk fisser kif lil hinn min-numri ta’ immigranti, id-diskussjonijiet fuq is-solidarjetà u soluzzjonijiet internazzjonali possibli dwar l-imigrazzjoni jridu jibdew mid-djar, l-iskejjel u l-isptarijiet.

Il-President ma naqasx milli jitkellem dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u hawnhekk qal li l-lingwa populista hija sfida immedjata li l-proġett Ewropew qed jaffaċċja. Il-President fisser kif ilkoll għandna d-dmir li nitkellmu favur Ewropa ta’ valuri, integrazzjoni, libertà u ugwaljanza. Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Carmelo Abela li fakkar kif anke dawk l-ambaxxaturi li mhux ġejjin mill-korp diplomatiku għandhom sehem importanti ferm x’jagħtu bl-esperjenzi varji tagħhom.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend