Il-PM Joseph Muscat b’impenji fil-Ġermanja – One News

Notifiki

Il-PM Joseph Muscat b’impenji fil-Ġermanja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat attenda għal ċerimonja f’Aachen, il-Ġermanja, li fiha ngħata l-premju Charlemagne lil Antonio Gutierres, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda għall-ħidma tiegħu biex isaħħaħ il-valuri Ewropej. B’referenza għall-enfasi li għamel fid-diskors tiegħu Antonio Guterras dwar l-immigrazzjoni u t-tibdil fil-klima waqt kummenti lill-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Muscat qal li dawn iż-żewġ suġġetti mhux biss huma relevanti għal Malta iżda wkoll għall-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ oqsma ma jistgħux jiġu trattati minn pajjiż waħdu iżda hemm bżonn sforz Ewropew, tenna l-Prim Ministru li fakkar li Malta kienet l-ewwel pajjiż li qatt semma l-issue tal-kambjament klimatiku fuq dimensjoni globali tal-Ġnus Magħquda permezz tal-President Emeritus Ċensu Tabone. Bl-istess mod kienet Malta li bdiet id-diskussjonijiet fuq il-liġi dwar il-baħar.

“Għalhekk, pajjiżi żgħar bħal tagħna jista’ jkollhom tmexxija f’dawn l-oqsma”, żied il-Prim Ministru. Jeżisti l-fenomenu fejn in-nies jiċċaqalqu mhux minħabba raġunijiet diretti, ekonomiċi u l-gwerer imma wkoll minħabba raġunijiet ekonomiċi influwenzati mit-tibdil fil-klima għax ikun hemm kwistjonijiet bħall-aċċess għall-ilma, aċċess għar-riżorsi, aċċess għat-temperaturi li wieħed ma jistax joqgħod fuqhom u allura jwasslu għal żieda fiċ-ċaqliq tan-nies minn post għall-ieħor.

“Aħna bħala pajjiż dan nixhduh u għalhekk nifhmuh. Bla dubju ta’ xejn iżda mhux kwistjoni biss li tagħmel xi ħaġa waħdek, għalhekk ir-relevanza Ewropea biex isir pjan Ewropew dwar il-kambjament klimatiku li jeżisti”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iżda qal li pjan Ewropew dwar l-immigrazzjoni għadu ma jeżistix fil-verità imma hemmhekk tidħol it-tmexxija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta. Minħabba li sal-lum il-ġurnata ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu awtomatiku imma jeżisti mekkaniżmu fejn meta naraw fejn mhux każ ta’ responsabbiltà ta’ Malta, aħna nkunu minn tal-ewwel li nieħdu l-inizjattiva biex niġbru flimkien il-pajjiżi differenti u jitqassmu l-immigranti minn pajjiżna, jekk ikunu daħlu f’pajjiżna f’sitwazzjoni li m’aħniex responsabbli tagħha. Fil-fatt madwar 80% tal-immigranti kollha li daħlu f’pajjiżna f’dawn is-snin intbagħtu f’pajjiżi oħra, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend