Fil-Partit Nazzjonalista bdew l-isforzi sabiex jinġabru biżżejjed firem sabiex il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jiffaċċja vot ta’ fiduċja, qabel isir kunsill ġenerali straordinajru tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ The Times of Malta qalu li l-firem bdew jinġabru wara r-riżultat diżastruż li ġarrab il-Partit Nazzjonalista meta ġab biss 37.9 fil-mija tal-voti, l-inqas ammont ta’ voti sa mill-elf disa’ mija u wieħed u ħamsin.
L-imkejjen li tkellmu mal-gazzetta qalu li din il-manuvra bdiet wara li l-grupp parlamentari Nazzjonalista naqas milli jieħu azzjoni konkreta minkejja li tilef il-fiduċja f’Adrian Delia. Sostnew li l-uniku alternattiva li fadal hija dik li l-kwistjoni titqajjem qabel il-kunsill ġenerali.
It-times tkellmet ukoll mal-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li qal li se jikkummenta wara li joħorġu ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali l-Ġimgħa li ġej.
Mingħajr tidwir mal-lewża qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jiffaċċja r-realtà u mhux iddaħħal rasu fir-ramel. Qal li l-partit nazzjonalista mar lura u mhux ‘il quddiem meta naqas milli jikseb mitt elf vot li kiseb fl-aħħar żewġ elezzjonijiet tal-parlament ewropew tal-2009 u l-2014. Fl-istess waqt innota li d-disktakk kiber għal 16.4 fil-mija.
Huwa żied iwissi kontra kull attentat li qed isir biex jiġi mminimizzat ir-riżultat.
l-President tal-Kunsill Amministrattiv David Stellini ma riedx jikkummenta, filwaqt lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli naqas milli jwieġeb it-tweġibiet tal-gazzetta.
It-Times tinnota kif wara t-telfa elettorali kbira Adrian Delia qal li mhux se jirriżenja u se jibqa’ jmexxi l-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali. Izda lil hinn minn din it-telfa kbira, is-sejħiet biex Delia jirriżenja ilhom hemm.
Adrian Delia qiegħed jiffaċċja allegazzjonijiet li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni. Allegazzjoni li dwarha Delia dejjem irrifjuta li jmur għall-inkjesta maġisterjali sabiex jistabbillixi jekk din l-allegazzjoni hiex vera jew le. Allegazzjoni li ilu jiffaċċja sa mit-tellieqa għall-Kap, bl-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil kien qal li kieku kien hu b’dawk l-allegazzjonijiet fuq rasu ma jikkontestax.
Intant, l-eks strateġista tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Zammit li ħadem id f’id ma’ Eddie Fenech Adami qal li Delia għandu jirriżenja wara t-telfa massiċċa li ġarrab is-Sibt li għadda. Qal li r-riżultat juri li Delia m’għandux ir-rispett u l-appoġġ tal-elettorali. Qal li jekk Delia jibqa’ fit-tmexxija, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jikseb l-istess riżultati.