Dan għandu jkun it-tmiem għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Iddikjara dan l-editorjal tal-gazzetta Times of Malta l-għada tal-ikbar telfa elettorali li qatt ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
It-Times qalet li Delia u n-nies tiegħu għandhom jassumu r-responsabbilità, jiddikjaraw li t-tort tat-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista huwa tagħhom u jwarrbu mit-tmexxija tal-Partit.
Saħqet li iżjed ma’ dan idum biex isir, iżjed se jdum il-Partit Nazzjonalista sabiex jirkupra.
Filwaqt li ddeskriviet ir-riżultat għall-Partit Nazzjonalista bħala tkaxkira, il-gazzetta qalet li dan huwa riżultat li l-Partit ġab b’idejh stess.
Sostniet ukoll li flimkien ma’ Delia, il-grupp parlamentari u l-organi tal-partit għandhom jerfgħu r-responsabilità għax fi kliem it-Times, ħallew is-sitwazzjoni tmur mill-ħażin għall-agħar bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom.
Ta’ opinjoni simili kienet il-MaltaToday, li qalet ukoll li l-futur tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’riskju, u qalet li Delia għandu jerfa’ r-responsabilità ta’ dik li sejħet bħala diżastru.
Il-MaltaToday qalet li l-Kap Nazzjonalista lanqas ma kien kapaċi jirbaħ il-battalja interna fil-Partit, hekk kif iż-żewġ ewroparlamentari Nazzjonalisti li ġew eletti, ġejjin mill-fazzjoni li ilha taħdem kontrih.
Saħqet ukoll li jekk it-tmexxija Nazzjonalista għanda l-impressjoni li tista’ tirkupra d-distakk sal-elezzjoni ġenerali, sejra mqarrqa.
B’Delia fit-tmun, il-Partit Nazzjonalista qed jirriskja riżultat agħar fl-elezzjoni li jmiss u li jibda proċess ta’ diżentegrazzjoni tal-Partit, qalet il-MaltaToday.
Sostniet li li jekk dawk li jimmilitaw fil-Partit Nazzjonalista ma jindirizzawx is-sitwazzjoni malajr, il-Partit Nazzjonalista jista’ jasal biex jiġi estint.