Casa jirringrazzja lill-eks Kapijiet iżda mhux lil Delia – One News

Notifiki

Casa jirringrazzja lill-eks Kapijiet iżda mhux lil Delia

L-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa kompla joħroġ fil-beraħ il-qasma fil-Partit Nazzjonalista wara li ħareġ jagħti ħajr pubblikament lill-ex kapijiet tal-Partit Nazzjonalista iżda għażel li jħalli barra lill-Kap attwali tal-Partit Adrian Delia.

David Casa magħruf għall-appoġġ tiegħu lill-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil mar fuq Facebook biex jirringrazzja lil dawk li b’xi mod kienu ta’ għajnuna għalih biex reġa’ tela’ fil-Parlament Ewropew.

Fi tliet messaġġi separati, Casa ta ħajr lill-volontiera tiegħu, lill-blogger Daphne Caruana Galizia u messaġġ ta’ ringrazzjanament speċjali lill-eks kapijiet tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi u Simon Busuttil li qal li mar jiltaqa’ magħhom.

Madankollu, David Casa ħalla barra mir-ringrazzjament tiegħu lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.

B’reazzjoni kienu mijiet in-Nazzjonalisti li esprimew ir-rabja tagħhom, inkluż dawk li tawh il-preferenza tagħhom, għan-nuqqas tiegħu li jagħti ħajr lill-Kap tal-Partit.

Fakkruh li m’għandux jinsa li kien Delia li ħareġ għonqu għalih u kemm beka fuq il-whatsapp għall-voti.

Partitarji ta’ Delia qalulu li l-partit Nazzjonalista qed jisfaxxa fix-xejn kawża ta’ persuni bħalu li b’għemilhom qed ikomplu jifirdu lill-Partit Nazzjonalista.

“Jien tajtek in-numru wieħed, iżda qed jiddispjaċini għall-mewt.”

“Int wieħed milli qed tofroq il-partit!”

“Ma jiddispjaċinix li tajtek in-numru għaxra, u darb’oħra qas numru ma nagħtik!”

Dawn kienu biss ftit minn aktar erba’ mitt kumment ta’ partitarji Nazzjonalisti li sfaw mweġġa’ u ddiżgustati bl-imġiba ta’ Casa.

Kandidat Nazzjonalist għall-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, qallu “It is very unfair not metioning the party’s present leader, Dr. Adrian Delia in your post. Leaves so much to be desired.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend