Fi żmien tliet ġimghat, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg investiga u kkonkluda b’suċċess każ ta’ irregolaritajiet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ numru ta’ ħaddiema barranin fosthom deduzzjonijiet sostanzjali mill-paga b’riskju ta’ prekarjat.
Fi stqarrija, intqal li permezz tal-investigazzjoni d-Dipartiment kiseb id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa biex seta’ jikkalkula l-arretrati dovuti, liema proċess kien segwit b’laqgħat ta’ medjazzjoni mat-tmexxija tal-kumpanija konċernata biex issa 70 persuna se jitħallsu l-arretrati kollha dovuti lilhom mill-bidu tal-impjieg tagħhom. It-total ta’ arretrati li se jitħallsu lil dawn il-ħaddiema jammonta għal ftit aktar minn €120,000.
Lil hinn mill-ispekulazzjoni u mill-allegazzjonijiet infondati f’diversi ġurnali, issa li l-invesigazzjonijiet intemmu b’suċċess, id-Dipartiment serraħ moħħ dawk kollha li jikkontribwixxu għas-suq tax-xogħol tagħna li kull każ ta’ allegat abbuż jew ta’ ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema jiġi trattat bl-akbar serjetà u jingħata r-riżorsi meħtieġa biex jiġi riżolt fl-inqas ħin possibbli.
Tant li dan hu biss wieħed minn madwar 300 investigazzjoni li saru din is-sena mill-istess dipartiment fil-ħidma biex tiddefendi d-drittijiet ta’ kull ħaddiem, kemm Maltin kif ukoll barranin.
F’dan ir-rigward, id-Dipartiment ħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni jew lil min hu vittma ta’ abbuż jew ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu jew tagħha biex jersqu ’l quddiem u jagħmlu rapport mal-istess dipartiment.