"Fil-PN jeħtieġ bidla radikali" – Saviour Balzan | One News

Notifiki

“Fil-PN jeħtieġ bidla radikali” – Saviour Balzan

F’jum li fih il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b’maġġoranza rekord ta’ 51,600 elf vot, bosta esperti midħla tax-xena politika f’pajjiżna lissnu l-ħsibijiet tagħhom.

Fost dawn kien hemm l-editur maniġerjali tal-ġurnal MaltaToday Saviour Balzan, fejn ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet sostna li din it-telfa kbira li ġarrab il-Partit Nazzjonalista tipponta għal bidla fit-tmun tal-istess Partit.

Qal kif “Jien naħseb li l-problema serja fil-Partit Nazzjonalista hija li jeħtieġ bidla radikali u l-bidla radikali ma tistax tiġi bil-kliem iżda bil-fatti. Meta jkun hemm tim li jitlef il-kampjonat jew jitlef xi trophy iduru fuq il-kowċ u jgħidulu għandna bżonn kowċ ġdid. Jekk il-Partit Nazzjonalista jaħseb li jista’ jkun denju ta’ oppożizzjoni b’Adrian Delia naħseb li jkun sejjer żmerċ u naħseb li min qed jipprova jżomm lil Adrian Delia qed jipprova jżomm lilu nnifsu fil-kumdità tal-Istamperija.”

Balzan tenna li l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista kienet tinvolvi 3 żbalji kbar.

Spjega kif “Waħda kienet il-kwistjoni tal-abort. Jiena ngħid diservizz lejn is-soċjetà ċivili li tiddiskuti l-abort. It-tieni waħda fuq il-kwistjoni tal-barranin li kien argument pjuttost pwerili, pjuttost redikolu, din il-ħaġa tal-ekonomija, popolazzjoni u barranin ukoll xenofoba u t-tielet punt naħseb kienet il-kwistjoni li min kien qed jirrapreżenta l-Partit Nazzjonalista kien hemm ċertu link mal-fatt li xogħlhom kien dominat minn kampanja kontra Malta.”

Intant Balzan stqarr li fejn is-soltu f’nofs il-leġislatura l-elettorat iħoss li għandu jagħti twiddiba lill-Gvern, din id-darba ġara l-oppost.

Balzan qal li “Normalment mid-term f’nofs perjodu fejn ikun hemm Gvern, il-poplu l-elettorat jibgħat messaġġ lill-Gvern, daqxejn twiddiba. Dan l-oppost ġara.”

Filfatt Balzan spjega x’kienu l-fatturi wara rebħa oħra storika għall-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista.

Spjega li “Tkellem dwar l-ambjent. Naħseb li hemm bżonn nitkellmu aktar dwar l-ambjent. Naħseb li għandna ħafna problemi li rridu nsolvu u tkellem dwar il-barranin. Mar kontra l-kurrent. Tkellem b’mod naħseb jien importanti wera ħtieġa li nifhmu xi tfisser is-solidarjetà u li ma nibżgħux minn realtajiet ġodda.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend