Żagħżugħ ta’ 24 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li l-appartament li kien fih inħakem minn nirien fl-Imsida.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija f’residenza privata fi Triq Antonio Bosio, l-Imsida.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li żewġt irġiel, wieħed ta’ 26 sena mill-Kosta tal-Avorju u l-ieħor ta’ 24 sena mill-Mali, sofrew xi ġrieħi kkawżati minn ħruq u d-dħaħen.
Fuq il-post ġew imsejħa l-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu. Iż-żewġ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn aktar tard ir-raġel ta’ 24 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura serja filwaqt li r-raġel ta’ 26 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr I. Farruġia LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.