Dalgħodu reġa tressaq mill-ġdid il-Qorti Liam Debono wara li l-bieraħ Debono reġa ġie arrestat wara li nqabad isuq mingħajr liċenzja.
F’awla ħamsa quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, l-Ispettur Fabian Fleri qal li meta sema’ is-sereni tal-karozzi tal-Pulizija, Debono daħal go triq u pprova jbiddel is-seat u jmur fuq is-seat tal-passiġġier.
Xehed is-Surġent Kevin Curmi, li il-bieraħ għal ħabta tal-ħamsa u nofs kien għaddejj min Triq l-Avjazzjoni u hemmhekk ra karozza Fiat Uno ta’ kulur beige, u x’ħin ħares lejn in-naħa tax-xufier ra persuna li kienet baxxuta fis-seat u libes nuċċali. Dak il-ħin induna li kien Liam Debono.
Bis-Surġent qal li kien jaf lil Liam wara li kien parti mit-team investigattiv f’każ ieħor li kellu.
Is-Surġent baqa’ jsuq wara l-karozza ta’ Debono u talab l-għajnuna tal-Pulizija.
Qal li Debono saq għal Triq Ħal Tarxien. Hemmhekk ra lil Debono jbiddel is-seat u jmur fuq is-seat tal-passiġġier. Bis-Surġent ra xi persuna oħra li kienet dieħla fil-karozza u kien se jpoġġi fuq is-seat tax-xufier.
Il-persuna li kienet dieħla fil-karozza kien Jason Zammit – li instema jgħid “iva vera kien qiegħed isuq kemm ċaqlaqli l-karozza għax waqafna nixtru … 2 minuti kollox”. Huma waqfu f’pompa tal-fjuwil.
Fix-xhieda tieghu l-Ispettur Fleri qal li ta’ ordni sabiex Liam Debono jittieħed id-Depot u l-karozza ta’ Jason Zammit tittiħed il-garaxx tal-Pulizija.
Fleri qal li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien qiegħed jirċievi diversi telefonati li qedgħin jaraw lil Debono jsuq Toyota Corsa jew BMW ta’ kulur abjad, fl-inħawi ta’ Ħal Tarxien. Iż-żewġ vetturi huma ta’ tnejn mit-tfal ta’ Jason Zammit.
Il-Pulizija kellhom ordni sabiex meta jaraw dawn il-karozzi, bin-numri rispettivi, iwaqqfu u jagħmlu tfittxijiet neċessarji.
Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat it-Toyota twaqqfet iż-Żejtun u dakinhar il-Pulizija sabu lil Liam passiġġier u Jason jsuq.
Fleri qal li Debono dejjem caħad li kien qiegħed isuq il-karozza. Qal li saq darba biss il-karozza Toyota, ġo garaxx privat.
Fleri tkellem ma’ missier Liam Debono u qallu li ibnu mhux dejjem qiegħed joqgħod id-dar u ġieli jorqod għand Jason Zammit. Iżda Jason Zammit qal li ġieli jkun għandu imma qatt ma jorqod hemm.
Liam Debono inżamm arrestat.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li sema’ xi kummenti u jinnota li l-Qorti dejjem tagħmel xogħla, u ħadd ma għandu jiġġeneralizza.
Qal li meta tingħata l-libertà kkundizzjonata, il-kundizzjonijiet imposti għandhom dejjem jibqgħu jiġu osservati.
Kien one.com.mt li żvela li Debono ġie arrestat wara li Pulizija pajżan mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali lemaħ lil Debono jsuq karozza tal-għamla Fiat fl-inħawi ta’ Ħal Luqa.
Debono qed jiġi akkużat f’każ separat bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri.
Il-kawza giet differita għal nhar l-Erbgha li ġej fid-9am.