Bejn il-Ħamis 23 u l-Ħadd 26 ta’ Mejju, l-Unjoni Ewropea kollha qed tivvota għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
L-ewwel votazzjonijiet saru fir-Renju Unit u l-Olanda – li vvutaw il-Ħamis 23 ta’ Mejju. Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f’dawn l-elezzjonijiet hekk kif Brexit ġie postpost, u għaldaqstant hekk kif ir-Renju Unit għadu fl-Unjoni Ewropea, dawn l-elezzjonijiet xorta kellhom isiru.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li aktarx il-Brexit Party ta’ Nigel Farage jikseb suċċess sostanzjali. Però jekk u ladarba jsir Brexit, il-membri Parlementari Ewropej tar-Renju Unit jitilqu mill-Parlament Ewropew.
Il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju ra l-Irlanda jivvota, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka – fejn f’din tal-aħħar l-elezzjoni kompliet fil-25 ta’ Mejju.
Intant, il-25 ta’ Mejju ra lil Malta, l-Islovakkja, il-Latvia, u t-territorji mbiegħda ta’ Franza jiftħu l-votazzjonijiet tagħhom.
Il-parti l-kbira tal-Ewropa – 21 pajjiż jiftħu l-votazzjoni tagħhom il-Ħadd 26 ta’ Mejju.
In-numru ta’ rappreżentanti għal kull pajjiż ivarja skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom, minn sitt rappreżentanti għal Malta, il-Lussemburgu, u Ċipru – sal-Ġermanja li għandha 96 rappreżentant.
B’hekk, b’kollox fl-Unjoni Ewropea jiġu eletti 751 MEP, li jirrapreżentaw mal-510 miljun ċittadin.
Wara Brexit dawn jinżlu għal 705 rappreżentant.
F’Malta, l-persuni eliġibbli biex jivvutaw kienu ftit iktar minn 371,000, għalkemm madwar 38,000 elf ma ġabrux il-vot tagħhom.
Il-kandidati eletti mill-pajjiżi differenti jingħaqdu fi gruppi ikbar fuq livell Ewropew. Minn dawn hemm tmienja ewlenin, u oħrajn iżgħar jew mingħajr affiljazzjoni – bl-ikbar żewġ gruppi fl-aħħar leġislatura kienu l-Partit Popolari Ewropew, u l-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Fil-ħidma tagħhom, il-Membri Parlamentari Ewropej jiddefendu l-interessi taċ-ċittadini li jeleġġuhom – b’konsultazzjonjiet mal-partijiet interessati u esperti; b’ħidma f’rapporti u kumitati; u b’votazzjonijiet li jdaħħlu jew jemendaw miżuri u liġijiet fuq livell Ewropew.
Wara li jinħatru l-Membri Parlamentari Ewropej, fl-ewwel sessjoni plenarja jinħatar President ġdid tal-Parment Ewropew. Il-Parlament il-ġdid imbagħad jeleġġi President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, u jeżamina u japprova l-membri tal-Kummissjoni Ewropea tiegħu.
Interessanti li f’Marzu li għadda, l-età medja tal-Membri Parlamentari Ewropej kienet ta’ 55 sena, bl-iktar anzjan minn Franza – ta’ 90 sena, u l-iktar żagħżugħ mill-Belġju ta’ 28 sena.