Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May mistennija tħabbar id-data tat-tluq tagħha minn Downing Street fil-jum tal-Ġimgħa. Dan intqal minn ministri tal-kabinett lil BBC.
Is-sorsi tal-kamra Ingliża tal-aħbarijiet qalu li qed jistennew li l-Prim Ministru tagħti skeda sabiex is-suċċessur tagħha jintgħażel, bl-għaxra ta’ Ġunju mistennija tkun id-data li fiha tibda t-tellieqa uffiċjali.
Fil-jum tal-Ġimgħa, May mistennija tiltaqa maċ-chairman tal-backbenchers tat-Tory. Hija ilha taħt pressjoni biex tirreżenja, wara li qalgħet ħafna kritika mill-membri parlamentari tagħha stess kontra il-pjan ta’ Brexit.
Minn Jannar li għadda s’ issa, il-Parlament Ingliż irrifjuta tliet darbiet il-ftehim tat-tluq li nnegozjat May mal-Unjoni Ewropea, filwaqt li attentati sabiex jintlaħaq qbil mal-Partit Laburista Ingliż fallew.