ESKLUSSIVA: Liam Debono arrestat mill-ġdid – il-Pulizija terġa' taqbdu jsuq bla liċenzja | One News

Notifiki

ESKLUSSIVA: Liam Debono arrestat mill-ġdid – il-Pulizija terġa’ taqbdu jsuq bla liċenzja

Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ tmintax-il sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri reġa’ ġie arrestat mill-ġdid wara li allegatament inqabad mill-Pulizija jsuq karozza bla liċenzja.

Kien is-sit elettroniku one.com.mt li żvela li Debono ġie arrestat wara li Pulizija pajżan mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali lemaħ lil Debono jsuq karozza tal-għamla Fiat fl-inħawi ta’ Ħal Luqa.

Hawnhekk beda jiġri warajh u talab għall-għajnuna tal-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit.

Minnufih il-Pulizija għalqu Triq Mikiel Ang Sapiano fejn Debono kellu jieqaf u minnufih ġie arrestat.

Huwa ttieħed lejn id-Depot tal-Furjana.

Iż-żagħżugħ inqabad fl-istess inħawi fejn kien tajjar lis-Surġent Schembri f’nofs Mejju tas-sena li għaddiet.

Debono allegatement kien qed isuq bla liċenzja, wara li l-qorti tagħtu l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda fuq depożitu ta’ għaxart elef ewro u garanzija personali ta’ erbgħin elf ewro.

One News jinsab infurmat li Debono mistenni jitressaq il-qorti għada s-Sibt u jiġi mixli quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud li kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħelsien mill-arrest.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Ispettur Fabian Fleri mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u l-Ispettur Pierguido Saliba mit-Taqsima tat-Traffiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend