Wara li lbieraħ f’nofisillejl intemm il-perjodu li fih setgħu jinġabru d-dokumenti tal-voti, jirriżulta li ftit aktar minn tmienja u tletin elf u sebgħa mitt dokument tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropea baqgħu ma nġabrux mingħand il-Kummissjoni Elettorali.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista qal ma’ one.com.mt li dan l-ammont jirrappreżenta 10.4 fil-mija tal-votanti eleġibbli. Għall-elezzjonijiet ta’ għada kienu eleġibbli li jivvotaw 371,625.
Għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li għall-ewwel darba se jsiru ma’ Malta u Għawdex kollu jirriżulta li baqgħu ma nġabrux ftit anqas minn tnejn u disgħin elf u erba’ mitt vot.
Intant fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali avżat li għada s-Sibt se tingħata l-faċilità lill-votanti li jkunu se jsiefru biex jaqbżu l-kju. Qalet li dawn il-persuni għandhom jieħdu magħhom prova dokumentata tas-safar u juruha lill-pulizija inkarigat fiċ-ċentru tal-votazzjoni.