L-għażla hi bejn Joseph Muscat u Adrian Delia – Partit Laburista – One News

Notifiki

L-għażla hi bejn Joseph Muscat u Adrian Delia – Partit Laburista

Quddiem folla kbira fil-Birgu, l-Prim Ministru tkellem dwar kif illum għandna l-fiduċja li uliedna se jkunu aħjar mill-adulti tal-lum. F’messaġġ qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, nhar is-Sibt li ġej, Joseph Muscat tkellem dwar kif pajjiżna għamel bidliet kbar tul l-aħħar sitt snin u kif għalhekk il-ġudizzju ta’ nhar is-Sibt li ġej huwa għażla bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.

“Ġejna hawn fil-Belt rebbieħa biex ngħidu li Malta hija rebbieħa. Kemm tlaqna mill-bogħod u kemm wasalna fil-bogħod. Kultant, irridu nieqfu naħsbu u nirriflettu fuq dan il-vjaġġ li qed nagħmlu flimkien. Bdejnih flimkien bħala poplu li kien qed jaqta’ qalbu. Poplu li kien qed jaħseb li l-aħjar żminijiet diġa’ għaddew,” qal il-Prim Ministru li nnota kif tnissel twemmin li pajjiżna jista’ jkun l-Aqwa fl-Ewropa.

“Għidna li minn issa ‘l quddiem din ma tibqax’ għażla bejn l-aħmar u l-blu. Iżda, għażla bejn lura u ‘l quddiem.  Il-poplu għażel li jmur ‘il quddiem,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, it-tnaqqis fit-taxxi, it-tnaqqis fil-faqar u ż-żieda fil-pensjonijiet u l-paga minima. Meta tkellem dwar iż-żgħażagħ Joseph Muscat rrimarka kif għalihom għandu x-xogħol li ġej f’pajjiżna u li se jibqa’ ġej. Irrefera għall-aħbar li l-kumpanija Bet 365 kienet se tirriloka lejn pajjiżna u żvela kif il-gvern kien infurmat li se jirdoppjaw il-ħaddiema minn din il-kumpanija ġewwa pajjiżna. Dan flimkien ma’ eluf ta’ impjiegi li se jinħolqu fis-settur tal-e sport.

Joseph Muscat tkellem dwar numru ta’ sfidi oħra. Fosthom li mhux biss inġibu x-xogħol iżda li x-xogħol ikun aħjar.  Tkellem ukoll dwar kif il-poplu Malti jħares lejn il-barranin u tenna li l-Malti dejjem kien poplu li jħenn.

Joseph Muscat tkellem dwar il-bżonn li nneħħu d-diferenzi bejn in-nisa u l-irġiel, għax mhux aċċettabbli li mara titħallas inqas minn raġel. “Se nibqgħu ninsistu li jkollna l-ugwaljanza fil-liġijiet tagħna u fil-prattika,” qal il-Prim Ministru li rrefera għar-riformi biex fil-parlament nazzjonali jkollna iktar nisa jirrappreżentawna. “Ħaddieħor ma jridx joħroġ għonqu. Aħna niġu hawn u ngħidulkom aħna konna l-bidla, aħna għandna l-bidla, aħna se nkunu l-bidla f’dan il-pajjiż,” qal Joseph Muscat.

Joseph Muscat tkellem li se nibqgħu ninsistu għall-bidla sakemm ikollna l-fiduċja tagħkom. Fakkar li sentejn ilu l-poplu reġa’ ġedded il-fiduċja u twettqu 55% tal-wegħdi li saru. “Ikun hemm min jgħid li fadal x’ngħamlu. Da żgur li fadal x’ngħamlu. Għalhekk għandna bżonn l-enerġija tagħkom nhar is-Sibt li ġej,” qal Joseph Muscat li rrefera għal numru ta’ miżuri fil-manifest elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet li se jkunu implimentati, fosthom it-tnaqqsi ta’ taxxa fuq l-overtimen u l-investiment fl-isport tal-karozzi.

Joseph Muscat fakkar kif li kien għall-Partit Nazzjonalista, fi 23 lokalità u għal 130,000 votant, ma kinux jingħataw iċ-ċans li jivvotaw fil-Kunsill Lokali. Irrimarka fil-bżonn li ntellgħu fil-Parlament Ewropew persuni li jħobbu lill-pajjiżna. “Il-poplu Malti se jkun jista’ jiġġudika lil min m’għaddietx minuta minn dawn il-ħames snin li ma provax jivvendika ruħu mill-poplu Malti u Għawdxi għax m’għoġbux il-ġudizzju ta’ poplu. Nhar is-Sibt li ġej b’ferħ, b’għaqda nkunu qed nagħtu l-ġudizzju tagħna,” qal Joseph Muscat.

“Nappella vot għall-kandidati kollha. Bħal dan iż-żmien ħames snin konna ksibna maġġoranza ta’ 33,000 vot, minħabba li ħafna nies ma vvotawx għall-kandidati kollha spiċċajna minn taħt b’200 vot fl-aħħar count. Hemm bżonn li nhar is-Sibt li ġej noħorġu nivvotaw, nivvotaw kmieni u nivvotaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista,” qal Joseph Muscat.

“Ma niddejaq xejn li nhar is-Sibt li ġej npoġġi lili nnifsi fuq quddiem… Nhar is-Sibt li ġej se nkun fuq quddiem nett ta’ għażla li tridu tgħamlu bejn Adrian Delia u Joseph Muscat,” temm jgħid il-Prim Ministru li appella lill-ħaddiema, iż-żgħażagħ, pensjonanti, l-Għawdxin u l-Maltin kollha biex jerġgħu jkunu miegħu u biex juru li Malta f’Qalbna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend