Kisbiet rekord għal Heritage Malta fl-ammont ta' turisti li jżuru s-siti | One News

Notifiki

Kisbiet rekord għal Heritage Malta fl-ammont ta’ turisti li jżuru s-siti

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li s-siti ta’ Heritage Malta, li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, raw numru akbar ta’ turisti fl-2018 li qabeż dak tal-2017, filwaqt li l-Agenzija rreġistrat ukoll surplus.
Bonnici ħabbar dan waqt tour f’Ħaġar Qim mogħti lill-studenti barranin mill-Polonja, li bħalissa qegħdin f’Malta bħala parti minn proġett tal-Erasmus mill-Helen Keller Resource Centre.

L-istudenti ġew mgħarrfa li dawn it-tempji megalitiċi huma kkunsidrati fost l-iprem monumenti nazzjonali u huma inklużi fil-Lista tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO. Is-sena li għaddiet, 187,083 turist żaru dan is-sit sinifikanti.

“Fl-2018, Heritage Malta irnexxiela ssostni l-impatt pożittiv u saħansitra żżid fuq is-suċċessi li kellha fis-sena ta’ qabel. Fil-fatt, l-Aġenzija rreġistrat żieda fid-dħul finanzjarju ta’ € 459,758 (2017: € 362,007) u aktar minn 1.6 miljun turist (c.a. 1.2 miljun fl-2017),” qal Bonnici.

“Dan hu riżultat ta’ investiment sostanzjali fis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta, strateġiji aqwa fir-reklamar, flimkien ma’ prezzijiet kompetittivi meta komparati ma’ siti kulturali simili ta’ pajjiżi oħra. Sistemi interattivi, teknoloġija avvanzata, interpretazzjonijiet interessanti u selezzjoni vasta ta’ attivitajiet ikomplu jżidu mal-attrazzjoni tal-viżitaturi lejn dawn is-siti. Bħala Gvern aħna rridu nkomplu nsaħħu l-wirt lokali tagħna, għall-benefiċċju tas-soċjetà lokali, u kif ukoll għat-turisti,” kkonkluda Bonnici.

Fl-2018, Heritage Malta organizzat, ipparteċipat jew laqgħet għandha aktar minn 260 avveniment kulturali, li jinkludu taħdidiet, mixjiet kulturali, seminars, u esebizzjonijiet temporanji fost oħrajn.

Dis-sena, tmien attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta, inklużi t-Tempji ta’ Ħaġar Qim, ġew ippremjati bil-Quality Assured Seal mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Din l-għotja hija marka rikonoxxuta u assoċċjata mal-abbiltà li tipprovdi prodott ta’ kwalità b’mod konsistenti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend