Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ġie ppubblikat it-tender biex jiġu mibnija mill-ġdid żewġ toroq prinċipali f’Għawdex, Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant’ Antnin f’Għajnsielem.
Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex hu impenjat bis-sħiħ biex itejjeb l-infrastruttura ta’ Għawdex u bl-għajta ta’ ‘Proġett Għawdex – Toroq fil-Lokalità Tiegħek’, il-Ministeru qed jagħmel investiment bla preċedent biex itejjeb it-toroq u l-livell ta’ kwalità tar-residenti f’Għawdex.
Il-Ministru qalet li ftit tal-ġimgħat ilu l-esperti mqabbda mill-Ministeru għal Għawdex taw spjegazzjoni dettaljata tal-isfidi li hemm marbuta ma’ din it-triq prinċipali. Hekk kif sar il-proċess tal-istudji, l-esperti fasslu l-pjanti u d-disinji biex din it-triq tingħata l-importanza li jixraqilha. Għalhekk permezz ta’ dan il-proċess jiġi assigurat li jsiru l-interventi u jiġi implimentat proġett li jservi fit-tul.
Il-Ministru Caruana qalet li permezz ta’ dan il-proġett se jiġu mibnija mill-ġdid 1.6 kilometru ta’ toroq fejn se jitqiegħdu wkoll servizzi ġodda biex b’hekk ir-residenti ta’ Triq Sant’ Antnin f’Għajnsielem ikollhom servizzi ġodda u jiġi eliminat l-inkonvenjent marbut mas-sistema tad-drenaġġ li ilha tippersisti snin sħaħ.
Dan il-proġett qed jiġi trattat b’mod ħolistiku u permezz tax-xogħol fuq dawn iż-żewġ toroq kruċjali flimkien ma’ Triq iż-Żewwieqa li diġà ħareġ it-tender tagħha, qed tiġi indirizzata żona sħiħa u għalhekk se jiġu eliminati l-isfidi u l-inkonvenjenti marbuta ma’ dawn it-toroq.