L-Arcisqof Charles J. Scicluna bierek in-niċċa l-ġdida tal-Madonna ta’ Lourdes taħt il-pont tal-Kappara, il-Gżira, li kienet tneħħiet minn Triq Mikiel Anton Vassalli biex isir il-proġett tal-junction tal-Kappara.
Ix-xogħol fuq din in-niċċa sar mill-artiġġjan Joseph Spiteri li f’dawn l-aħħar xhur intefa’ b’ruħu u b’ġismu biex ilesti x-xogħol fuq il-bini tagħha.
John Lauria, sid l-istatwa tal-Madonna qal li d-devozzjoni tiegħu lejn il-Madonna nibtet meta kellu biss 14-il sena wara li salvatu minn ħalq il-mewt meta kien se jegħreq. Qal li l-istatwa fin-niċċa kienet rigal mingħand bintu.
In-niċċa kienet simbolu tat-Triq Reġjonali, fosthom anke taż-żgħażagħ li jiffrekentaw Paceville.
Minkejja li n-niċċa kellha titneħħa minħabba l-proġett tal-Kappara, in-niċċa issa għandha post aktar denju fid-daħla tal-Gżira.
Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li l-Kunsill Lokali tal-Gżira iħallas għall-ispejjeż tan-niċċa li jammontaw għal €23,000.
L-uffiċjal ta’ Transport Malta Tano Vella qal li l-Ministeru għall-Infrastruttura kien responsabbli mid-disinn tal-niċċa u ppjana biex din in-niċċa li tant kienet għall-qalb il-Maltin terġa’ titqiegħed f’post prominenti għad-devozzjoni tagħhom.