Tlett ijiem wara li ġiet inawgurata l-Għassa tal-Pulizija ta’ Bormla, ġie inawgurat ukoll ix-xogħol ta’ rinovar li sar fl-Għassa taż-Żurrieq. Għassa li sservi ta’ kwartieri distrettwali għal-lokalitajiet taż-Żurrieq, Ħal Kikrop, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Safi.
Din l-Għassa hija mifruxa fuq żewġ sulari, u kull uffiċċju ġie mgħammar b’arja kkundizzjonata. Barraminnhekk hija mibnija b’tali mod li tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li hemm pjan li l-għases kollha jiġu modernizzati u jsiru aktar siguri u komdi biex il-Membri tal-Korp ikunu aktar motivati u jkunu ta’ servizz aħjar.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li din l-għassa, u kull waħda li qed tiġi rinovata, għandha karatteristiċi li jħarsu s-sigurtà tal-individwi – kemm tal-Pulizija kif ukoll ta’ kull min jiġi bżonn is-servizzi.
Qal li fl-aħħar xhur sar eżerċizzju fejn esperti daru l-għases kollha biex jidentifikaw nuqqasijiet li jeżistu – fosthom anki affarijiet zgħar li forsi jidhru bħala insinifikanti iżda li jagħmlu effett.
Fost dawn hemm li kull għassa se jkollha dispensers tal-ilma. Xi ħaġa relattivament żgħira iżda li tħalli impatt pożittiv fuq il-membri tal-Korp.
Tenna li l-ġlieda kontra l-kriminalità tintrebaħ mhux biss billi ssolvi l-każijiet imma billi tieħu inizjattivi biex tippreveniha milli sseħħ.
Innota li minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u fit-turiżmu, ir-rata ta’ kriminalità s-sena l-oħra naqset bi 8%, u ċ-ċifri juru l-istess għall-ewwel xhur ta’ din is-sena.