Huwa fatt li hafna jiddejqu jaraw xeni ta’ bins mimlija u boroż mahruġa fil-ġranet il-ħżiena mormija ġo bins li barra li jhammġu, jkerrhu d-dehera u l-ambjent in ġenerali.
Il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex ħaseb f’sistema nnovattiva għal Malta li hija bin li jaħdem bid-dawl tax-xemx u nkorporat fih hemm mekkaniżmu modern li hekk kif ladarba dan il-bin jimtela, dan jiġi ppressat u jerġa jiġi vojt għad-disposizzjoni tal-iskart li jridu jarmu n-nies. Dan l-istess tip ta’ bin li wieħed isib bħalu f’bosta bliet kbar fl-Ewropa, jiflaħ tal-inqas ħames darbiet iktar minn bin normali. Ladarba jimtela għal ħames darba, il-kunsill u l-kuntrattur jirċievu notifika biex ikunu mgħarrfa dan u għaldaqstant hemmhekk biss ikun hemm bżonn jitbattal.
Sistemi bħal dawn jiffrankaw in-numru ta’ kollezzjonijiet u ħmieġ żejjed li jaf jinġabar madwar il-bins meta normalment ifuru.
Is-Sindku Max Zammit f’kumment lil dan il-ġurnal stqarr li dan huwa l-futur ta’ sistemi nnovattivi li jagħmlu l-ambjent fejn ngħixu isbaħ. Żied jgħid li dan jilkumplimenta inizjattiva oħra li se ssir fil-ġranet li ġejjin u tinvolvi ‘seabins’ li huma bins li jitpoġġew fil-baħar u jiġbdu plastic u ħmieġ ieħor li jintrema fil-baħar, u l-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex ħa jkun ukoll l-ewwel Kunsill li jinstallahom sabiex ikollna baħar aktar nadif u plastic-free.
Il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex huwa Kunsill sinonimu ma inizjattivi oħra favur l-ambjent u għal dawn l-aħħar 6 snin f’din l-aħħar leġislatura dejjem rebaħ l-unur bħala l-aktar lokalita` li tirriċikla per capita. Il-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex ukoll kien l-ewwel kunsill li ffaċilità l-kollezzjoni tal-bins mgħotija b’xejn mill-Wasteserv minn ġol-binja tal-Kunsill. Dawn l-inizjattivi faħħarhom il-Prim Ministru Joseph Muscat meta ftit tal-ġranet ilu waqt l-attività ta’ START mill-FZL ġewwa Ta’ Xbiex, qal li l-Kunsilli Lokali hemm bżonn jgħafsu iktar fejn tidħol indafa u jgħollu l-livell meħtieġ min-nies u kkumplimenta lill-Kunsill Lokali Ta’ Xbiex f’dan ir-rigward.