Il-kumpanija bet365 tikkonferma l-pjan ta' espansjoni f'Malta | One News

Notifiki

Il-kumpanija bet365 tikkonferma l-pjan ta’ espansjoni f’Malta

Il-kumpanija internazzjonali tal-gaming bet365 ħabbret li se tkabbar b’mod sostanzjali l-operat tagħha f’pajjiżna.

Bet365, li ilha b’liċenzja f’pajjiżna sa mill-2015, kienet diġa ħabbret fl-aħħar xhur li se ċċaqlaq parti mill-operat lejn pajjiżna, iżda issa se tkabbar l-investiment tagħha iktar milli kien mistenni u se jkollha parti sostanzjali tal-operat tagħha ibbażat f’Malta.

Hija se tiċċaqlaq lejn pajjiżna sabiex iżomm preżenza importanti fis-suq waħdieni Ewropew, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri spjega li l-pjan oriġinali kien li timpjega mat-300 ħaddiem f’pajjiżna, iżda issa qed tħares għal ammont ferm ikbar.

Schembri qal li “Bi pjaċir ninnota li dawn għandhom fiduċja totali f’dak li qedgħin nagħmlu hawnhekk u wara diversi diskussjonijiet magħhom, fil-fatt illum ħabbru li mhux dik il-parti biss ħa jirrilokaw imma se jirrilokaw parti kbira mill-operat tagħhom. Fil-fatt l-ammont ta’ ħaddiema li ħa jkunu qed iġibu ħa jkun iktar minn tliet darbiet minn dak li kienu qalu fil-bidu u għalhekk dik tkompli tagħmel kuraġġ u fiduċja f’dak li qedgħin nagħmlu bħala pajjiż.”

Schembri spjega li dan huwa riżultat tal-politika li qed iħaddem dan il-gvern fejn qal “Is-sena l-oħra fis-settur tal-gaming aħna biddilna l-liġi kollha, biex nagħmluha aktar attraenti, pero l-fatt li issa qed nimirħu fuq inizjattivi ġodda bħal blockchain, l-AI, il-videogame design – din qed tagħmila ħafna iżjed attraenti biex jiġu f’pajjiżna u jinvesti f’pajjiżna.”

Intant il-Prim Ministru fi tweet laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li bet365 kkonfermat l-pjan ta’ espansjoni f’Malta fejn se tkun qed tirdoppja l-impjiegi tagħha fil-gżejjer Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend