F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja gie mhabbar li erba’ proprjetajiet li tuża l-Università ta’ Malta se jgħaddu mingħand il-gvern għal għand l-Università ta’ Malta b’ċens perpetwu.
L-erba’ proprjetajiet huma l-art tal-‘Junior College’, il-Kampus ta’ Għawdex, l-Università l-antika fil-Belt flimkien mall-Istitut tal-Enerġija f’Marsaxlokk, li magħha għaddiet ukoll art oħra tal-eks Enemalta.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred Vella qal kif l-avveniment tal-lum hu wieħed storiku. Qal li dan ser jgħin lill-Università biex anke tista’ tinnegozja mal-banek.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Awtorità tal-Arijiet Chris Agius qal li dan ikompli jżid mal-investiment tal-gvern fl-edukazzjoni.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif dan hu l-akbar investiment kapitali li qatt sar fl-Università ta’ Malta. Dan hekk kif l-erba’ proprjetajiet jammontaw għal miljuni kbar ta’ ewro.
Il-ftehim ġie ffirmat bejn ir-Rettur tal-Università Prof. Alfred Vella u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo.