EQT, ditta ewlenija ta’ investiment, għadha kif iffirmat ftehim sabiex takkwista lil Melita Ltd. mingħand Apax Partners u Fortino Capital.
EQT Infrastructure għandha l-ħsieb li tassisti fit-tkabbir tal-Melita billi tkompli ttejjeb in-netwerks tal-linji fissi u dawk tal-linji ċellulari tagħha, kif ukoll tiftaħ data centre ieħor f’Malta. Se tappoġġja wkoll l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-Melita, inkluża l-espansjoni fl-Italja, kif ukoll il-proposta innovattiva tagħha fir-rigward tal-konnettività IoT. Melita se tkompli topera taħt it-tmexxija tal-Kap Eżekuttiv Harald Rösch, li ilu għal żmien twil Konsulent Industrijali tal-EQT kif ukoll Kap Eżekuttiv tal-Melita sa minn April tal-2016.
Ulrich Köllensperger, Imsieħeb ta’ EQT Partners u Konsulent fuq l-Investiment għal EQT Infrastructure IV, qal: “EQT inbniet fuq il-ħeġġa sabiex tiżviluppa l-kumpaniji. Aħna ninvestu f’kumpaniji tajbin madwar id-dinja kollha bil-għan li nibdluhom, mhux biss f’kumpaniji mill-aqwa, iżda wkoll f’kumpaniji sostenibbli. Dan hu eżattament il-pjan li għandna l-ħsieb li naddottaw għal Melita, kumpanija li hija diġa innovattiva fis-suq Malti u dak barrani f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura, prodotti u customer care. B’riżultat ta’ dan, ninsabu fiduċjużi li x-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu żminijiet interessanti u ta’ sodisfazzjon kemm għall-impjegati kif ukoll għall-klijenti tal-Melita.”
Harald Rösch, il-Kap Eżekuttiv tal-Melita, qal: “Din it-transazzjoni hi prova oħra tas-suċċess tagħna tul dawn l-aħħar snin. Permezz ta’ ħidma qawwija mill-impjegati kollha u bl-appoġġ tas-sidien tagħna, poġġejna lil Melita bħala l-aqwa kumpanija fis-suq tat-telekomunikazzjoni f’Malta. Bl-appoġġ ta’ EQT Infrastructure u bl-esperjenza estensiva tagħhom f’din l-industrija, se nkomplu l-ħidma tagħna billi niżviluppaw in-netwerks tagħna u nipprovdu esperjenza eċċellenti għall-klijent fis-snin li ġejjin. Melita tinsab f’pożizzjoni ideali biex tikber fis-suq tat-telekomunikazzjoni Malti u lil hinn minnu.”
Thomas de Villeneuve, Imsieħeb ta’ Apax Partners, qal: “Kburin bir-riżultati miksuba minn Melita matul dawn l-aħħar tliet snin. Taħt it-tmexxija ta’ Harald, Melita wettqet investimenti sinifikanti fin-netwerk tagħha u fit-trasformazzjoni diġitali biex saret operatur ta’ klassi dinjija. Nifirħu lil Harald u lit-tim kollu ta’ Melita għax-xogħol siewi li kisbu u li ssarraf f’benefiċċji għall-komunità Maltija.”
Duco Sickinghe, Imsieħeb Maniġerjali ta’ Fortino Capital Partners, żid jgħid: “Kien ta’ sodisfazzjoni kbir li ħdimna ma’ Apax Partners u t-tim maniġerjali ta’ Melita biex bnejna kumpanija ewlenija li tforni servizzi ta’ telekomunikazzjoni f’Malta. Din hi kumpanija li ta’ kuljum tagħmel mill-aħjar biex isservi lill-klijenti tagħha bl-aqwa mod possibbli permezz tal-aqwa teknoloġiji disponibbli.”
Il-partijiet qablu li ma jiżvelawx id-dettalji finanzjarji tat-transazzjoni. Din it-transazzjoni proposta, kif inhu meħtieġ, hi soġġetta għal approvazzjonijiet regolatorji.