Għall-ewwel darba, dsatax-il student ingħataw borża ta’ studju sabiex ikunu jistgħu isegwu korsijiet dwar il-blockchain u d-distributed ledger technologies fil-livelli ta’ Masters u PhD.
Dan bħala parti minn ftehim bejn l-Aġenzija Maltija dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Università ta’ Malta li stabilixxa fond ta’ tliet mitt elf ewro għal dan il-għan.
L-investiment fil-boroż ta’ studju mogħtija jlaħħaq il-mija u sittin elf ewro.
Analise Seguna, avukat u waħda mill-istudenti mogħtija l-borża ta’ studju, spjegat kif fil-professjoni legali qed jikber il-bżonn ta’ speċjalizzazzjoni fil-blockchain.
Spjegat kif “Iktar ma taqra iktar tinteressa ruħek u wara li ggradwajt bħala avukat kien hemm domanda mingħand il-klijenti li hawn bżonn għal din l-area. Malli fetħet din l-opportunità mill-Università ħtaft l-opportunità biex napplika.”
Reuben Camilleri, student ieħor, spjega li l-possibilitajiet li toħloq din it-teknoloġija hija r-raġuni għalfejn applika għal din il-borża ta’ studju.
Qal li “Din it-teknoloġija dejjem kienet tinteressani u malli smajt li Malta qed tippushja ħafna din l-industrija ġdida din l-industrija ġdida kont kuntent ħafna b’dan. Hija very interesting u very new u hemm ħafna possibilities fil-futur u għalija that’s what entices me.”
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li d-dsatax-il student huma simbolu tal-kuraġġ li wieħed jesplora l-bidla u l-innovazzjoni.
Ir-rettur tal-Università Alfred Vella saħaq li bħala parti mill-viżjoni li pajjiżna jkun il-gżira tal-blockchain, huwa naturali li l-Università tgħin u tkun parti minn din il-viżjoni.