Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis qiegħed iħabbar li permezz tal-ħidma siewja tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, immexxi mill-Kap Eżekuttiv Dr Renzo Degabriele, ġie ffirmat ftehim ma’ żewġ djar residenzjali għall-anzjani fis-settur privat.
Il-Gvern qiegħed jinvesti madwar 2.4 miljun ewro fis-sena sabiex 100 sodda oħra fid-djar residenzjali privati jkunu disponibbli għall-użu minn anzjani li għandhom livell ta’ dipendenza medju jew għoli. Permezz ta’ dan l-investiment, issa hemm 50 sodda ġewwa Casa Pinto f’Ħal Qormi, u 50 sodda ġewwa l-Golden Care Home fin-Naxxar.
F’dan ir-rigward, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis jistqarr li minkejja li qiegħed isir investiment sostanzjali fis-servizzi fil-komunità, id-domanda għas-servizzi residenjzali tal-anzjani hija waħda għolja, li ser tkompli tiżdied aktar ma’ tikber fl-età l-popolazzjoni Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis sostna li “irridu nħarsu ’l quddiem u naħsbu fit-tul. Dan il-ftehim ser iwassal biex noffru aktar sodod għall-anzjani f’żewġ lokalitajiet oħra. Dan apparti l-proġetti ta’ San Vinċenz de Paul, u ta’ Birkirkara, li b’kollox ser ikunu qegħdin joffru 650 sodda oħra għall-anzjani u diversi faċilitajiet”, li permezz tagħhom ser inkomplu nindirizzaw il-lista ta’ stennija, hekk kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali 2017.
Din hija turija ċara li s-surplus qiegħed għan-nies, partikolarment dawk li l-aktar għandhom bżonn. Il-Gvern għandu għal qalbu dan is-settur, u b’hekk qiegħed jieħu azzjoni biex fejn hemm in-nuqqasijiet, ikompli jsaħħaħ is-servizzi, sabiex l-anzjani u l-familji tagħhom jgħixu b’dinjità.