Se tkun tista’ tara aktar minn 24,000 siegħa ta’ filmati storiċi minn postijiet pubbliċi – One News

Notifiki

Se tkun tista’ tara aktar minn 24,000 siegħa ta’ filmati storiċi minn postijiet pubbliċi

L-Istazzjon Nazzjonali qiegħed jinvesti €4.8 miljun biex filmati antiki jkunu ppreżervati u jsiru disponibbli għall-pubbliku. Dan il-proġett, li qed jissejjaħ Tisħiħ tal-Esperjenza ta’ Turiżmu Kulturali, permezz tad-Diġitalizzazzjoni, mistenni jitlesta fis-sentejn li ġejjin, u huwa possibbli grazzi għal għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

B’rekord viżiv li jmur lura għas-sittinijiet, dan il-proġett ta’ diġitalizzazzjoni se jikkategorizza l-legat ta’ filmati f’erba’ kategoriji:

  • Kultura;
  • Avvenimenti;
  • Personalitajiet fl-Istorja, u
  • Postijiet.

L-ewwel fażi ġiet iffinalizzata b’tiġdid komplut tal-pjan tal-HUB tal-Kreattività. Dan inkluda tmint ikmamar għall-editjar, il-ħolqien ta’ spazju miftuħ għall-indiċjar u kamra għas-server għall-ħażna u r-robotika. Fl-istess ħin, dsatax-il elf u tmien mitt siegħa ta’ materjal se jiġu diġitalizzati. Il-pubbliku se jkun jista’ jaċċessa l-arkivji diġitalizzati minn postijiet pubbliċi, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Charles Dalli:

“Fis-siti pubbliċi u storiċi, se jibda jkun hemm totem-poles b’kodiċi QR, u dak li jkun jista’ jaċċessa viżwal relatat ma’ dak is-sit fuq il-mobile jew tablet. ‘Il quddiem se niftħu l-arkivji għal aktar riċerka akkademika dwar l-istorja tal-awdjo-viżwal f’pajjiżna”.

Il-Ministru Owen Bonnici, li wkoll kien preżenti għat-tnedija tal-proġett, qal li dan imur id f’id mal-istrateġija tal-Ministeru għall-Kultura, li tagħmel l-istorja u l-kultura dejjem aktar aċċessibbli.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend