Il-Qorti ma tilqax it-talba ta’ Simon Busuttil biex iwaqqaf il-ħatriet tal-ġudikanti l-ġodda – One News

Notifiki

Il-Qorti ma tilqax it-talba ta’ Simon Busuttil biex iwaqqaf il-ħatriet tal-ġudikanti l-ġodda

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet ir-rikors tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex ma jinħatrux aktar imħallfin u maġistrati sakemm tiġi deċiża kawża ffirmata minnu u d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar is-sistema tal-ħatra tal-ġudikanti.

Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti ma laqgħetx it-talba wkoll ta’ Dr Busuttil u Dr Azzopardi biex dan il-każ jiġi riferut lill-Qorti Ewropea.

F’nofs April li għadda, Busuttil u Azzopardi ppreżentaw protest ġudizzjarju li fih talbu lill-Qorti biex twaqqaf il-ħatriet ta’ tliet imħallfin u tliet maġistrati ġodda li ħafna minnhom kienu ilhom snin twal iservu fuq il-bank ġudikatura.

Fi stqarrija, il-Gvern laqa’ din id-deċiżjoni għax qal li b’hekk is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjizna ma tħallietx tiġi pparalizzata.

Il-Gvern qal li se jkompli jsaħħaħ is-sistema tal-ħatriet tal-ġudikatura wara r-riforma li diġà seħħet f’dan il-qasam, fejn ħatriet ta’ membri tal-ġudikatura jsiru biss wara li jgħaddu minn skrutinju ta’ bord tekniku magħmul mill-Prim Imħallef, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman, l-Avukat Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati, liema bord jagħti l-pariri lill-Prim Ministru dwar dawn il-ħatriet. Fakkar li kemm Dr Busuttil u Dr Azzopardi kienu vvutaw favur din ir-riforma.

Sostna li din ir-riforma setgħet issir permezz ta’ emenda Kostituzzjonali, li biex tgħaddi kellha bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Il-Gvern saħaq li se ikompli jaħdem biex isaħħaħ il-ġudikatura sabiex titħaddan il-ġustizzja b’mod effikaċi, u żżid il-membri tal-ġudikatura biex ikompli jitnaqqas id-dewmien tal-kawżi.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend