Żvolta ġdida fil-każ tal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia bil-Pulizija jirnexxielha tinterċetta wkoll il-karozza tal-kiri li uża Alfred Degiorgio biex isegwi l-passi ta’ Caruana Galizia.
Dan ġie żvelat l-Erbgħa filgħodu mill-Ispettur Keith Arnaud waqt li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
L-Ispettur Arnaud xehed kif l-investigazzjonijiet kontinwi b’rabta ma’ dan il-każ wasslu biex fl-aħħar jiem il-Pulizija interċetat il-karozza tal-kiri li Alfred Degorgio magħruf bħala l-Fulu kien qed juża biex isegwi lil Caruana Galizia.
Arnaud qal kif din il-karozza tat-għamla Hyundai i10 bajda tikkorispondi mad-deskrizzjoni li ngħatat minn persuna li joqgħod fiż-żona tal-Bidnija u li fil-ġranet ta’ qabel il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien qed jara fl-istess żona.
L-Ispettur Arnaud spjega li n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza misjuba jispiċċa ‘QZ’, l-istess ittri lill-persuna inkwistjoni kienet tat lill-Pulizija ftit jiem wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara l-Ispettur Arnaud, tela’ fuq il-pedana tax-xhieda is-Sur Raymond Schembri, is-sid tal-kumpanija li mingħandha Alfred Degorgio kera din il-karozza.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit huwa kkonferma d-dettalji mogħtija aktar qabel mill-Ispettur Arnaud.
Fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu kellhom joqogħdu għall-kontro eżami tad-difiża uffiċjali tal-FBI li għenu lill-Pulziija Maltija f’dan il-każ.
Huma kienu diġà xehdu sena ilu, madankollu kellhom joqogħdu għall-mistoqsijiet tad-difiża. Kienu ftit tal-jiem ilu li d-difiża qalet fil-Qorti li mhux se tkun qed tagħmel il-kontro eżami, bl-Ispettur Arnaud jgħid li l-biljetti tal-ajru mill-FBI kienu diġà nqataw.
F’dan il-każ il-Pulizija qed tixli lill-aħwa Alfred u George Degorgio magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż flimkien ma’ Vince Muscat il-Koħħu.