'Il-PN hu mifni fl-ironija' – PM | One News

Notifiki

‘Il-PN hu mifni fl-ironija’ – PM

Kemm hi ironika li min iħanbaq fuq is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, kontinwament ġej u sejjer il-Qorti minkejja li qatt ma tagħtih raġun. Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta fl-aħħar sigħat tal-kampanja elettorali, indirizza lir-residenti Misidjani waqt attività politika.

Il-Prim Ministru tkellem kif kien dan il-Gvern li bidel il-mod kif jinħatru l-ġudikanti billi neħħa l-poter li kellu l-Prim Ministru, għaliex issa diversi partijiet se jagħtuh parir dwar il-ħatriet.

Din kienet liġi li l-Partit Nazzjonalista vvota favuriha, iżda l-Erbgħa, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u d-Deputat Jason Azzopardi ppreżentaw rikors fil-Qorti biex ma jkunx hawn aktar ħatriet tal-ġudikanti. Rikors li għal darb’oħra l-Qorti ċaħdet.

“Meta l-PN jaffaċċja l-istituzzjonijiet, dawn qed jagħrfu x’qed jagħmlu. Sew jekk hux il-Qorti Maltija, il-Kummissjoni Ewropea, jew il-Kummissjoni Venezja, li lkoll kapaċi jkunu kritiċi tal-Gvern.”

Il-Prim Ministru nnota wkoll li wasal iż-żmien li Adrian Delia jkun responsabbli ta’ dak li qed jiġri fil-Partit Nazzjonalista.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għad-dibattitu li xxandar l-Erbgħa filgħaxija, li matulu, il-Kap Nazzjonalista reġa’ ħareġ jattakka l-proġett ambizzjuż ta’ dan il-Gvern li jirranġa t-toroq kollha ta’ Malta fi żmien seba’ snin. Proġett, li skont Adrian Delia, il-Gvern qed jagħmel għalxejn.

“Dan huwa l-ewwel Gvern li t-toroq se jagħmilhom kollha. Qalilna li aktar ma nagħmlu toroq aktar ikollna tniġġis. Għandna rapport li jgħid ċar li bit-toroq il-ġodda se jkun iffrankat it-tniġġis. Se jiġi ffrankat €25 miljun fis-sena fi fjuwil, u se jonqsu l-ħinijiet ta’ stennija. Dan l-istudju għamilnih u l-Kap tal-Oppożizzjoni mhux konxju tagħhom.”

Ma setax jonqos li l-Prim Ministru jirreferi għal proġetti li se jgawdu b’mod dirett minnhom il-Misidjani, bħall-proġett tal-promenade li se jwassal għal Ta’ Xbiex.

Fuq kollox, il-Prim Ministru temm b’appell biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jeżerċitaw dmirijiethom nhar is-Sibt li ġej u jivvotaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend