Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin f'taħditiet politiċi, diplomazija kulturali, u kuntatt mad-dijaspora waqt żjara uffiċjali fil-Greċja | One News

Notifiki

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin f’taħditiet politiċi, diplomazija kulturali, u kuntatt mad-dijaspora waqt żjara uffiċjali fil-Greċja

Żjara ta’ tlett ijiem li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, għamel fil-Greċja kienet ikkaratterizzata minn taħditiet politiċi, żewġ kunċerti mill-Cappella Diacono – Malta, u laqgħa ta’ kuntatt mad-dijaspora Maltija. Iż-żjara saret bejn is-Sibt 18 u t-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019.

F’laqgħa mal-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin, George Katrougalos, u mal-Viċi Ministru tiegħu, Terens Quick, f’Ateni, it-temi diskussi kienu jinkludu kwistjonijiet ta’ interess bilaterali u reġjonali, fosthom il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se jsiru din il-ġimgħa, il-migrazzjoni, il-kummerċ u opportunitajiet oħrajn fl-Afrika, kif ukoll id-dijaspori tal-Greċja u ta’ Malta f’Malta u fil-Greċja rispettivament. Laqgħa politika oħra fil-kapitali Griega, u li ffukat fuq l-isfidi komuni tal-pajjiżi Ewropej hekk kif l-elezzjonijiet tal-PE jinsabu wara l-kantuniera, saret mal-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Intern, u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos.

F’Ateni, il-Ministru Abela attenda wkoll għal quddiesa solenni u għal kunċert li fihom l-orkestra u kor ta’ 55 ruħ tal-Cappella Diacono, taħt tit-tmexxija tal-Maestro di Cappella Ray Sciberras F.L.C.M., ippreżentaw repertorju ta’ mużika sagra Maltija, primarjament xogħlijiet tal-fundatur tal-Cappella, Mro Carlo Diacono, u wkoll tal-Mro Sciberras. Il-quddiesa, li saret il-Ħadd 19 ta’ Mejju fil-Katidral Kattoliku ta’ San Dijonisju l-Arjopagita, ikkonċelebrawha l-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni, Mgr Sevastianos Rossolatos, u n-Nunzju Appostoliku fil-Greċja, Mgr Savio Hon Tai-Fai. Il-Capella Diacono eżegwiet waħda mill-kompożizzjonijiet ewlenin ta’ Mro Carlo Diacono, il-‘Messa in Mib’.

Il-kunċert, li sar it-Tnejn, l-20 ta’ Mejju fis-Sala tal-Kunċerti ta’ Ateni magħrufa bħala l-Megaron, kien bla ħlas iżda ġew aċċettati donazzjonijiet għall-Caritas ta’ Ateni. Fost id-dinjitari preżenti kien hemm il-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin; il-Ministru Griega għall-Kultura u l-Isport, Myrsini Zorba; l-Arċisqof Kattoliku ta’Ateni; u l-Amministratur Appostoliku tal-Kattoliċi tar-Rit Armen fil-Greċja, Hovsep Joseph Bezazian.

F’mesaġġ ta’ merħba, il-Ministru Carmelo Abela ddeskriva l-kunċert bħala turija ta’ kif żewġ pajjiżi jistgħu jkomplu jaħdmu fimkien billi jsaħħu r-relazzjonijiet eżistenti ta’ bejniethom mhux biss fl-oqsma tal-politika u tal-kummerċ iżda wkoll f’oħrajn bħall-kutura, l-arti, u l-innovazzjoni, bil-ħolqien ta’ opportunitajiet reċiproċi u ta’ skambji. “Huwa ta’ bilħaqq privileġġ meta niċċelebraw il-kultura tagħna u r-rabtiet bejn in-nies, li permezz tagħhom nifhmu wieħed lill-ieħor. Huwa fuq dan li hija bbażata s-sħubija b’saħħitha ta’ bejnietna,” irrimarka l-Ministru. “Irridu nibqgħu nkunu ottimisti u proattivi fil-mod kif nagħmlu l-affarijiet hekk kif nagħmlu l-parti tagħna biex insawru l-futur tad-dinja billi ninvestu fil-possibbiltajiet li jipprovdulna d-diversità kulturali u d-dalogu interkulturali. Irridu nibqgħu nagħmlu użu tajjeb mid-diplomazija kulturali sabiex ninkoraġġixxu d-djalogu interkulturali bejn il-komunitajiet.” Il-quddiesa solenni u l-kunċert ġew organizzati bl-inizjattiva tal-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, u l-isponsor ewlieni kien ir-Reġistru Malti tal-Vapuri.

Intant, waqt attività organizzata fl-ambaxxata Maltija f’Ateni nhar is-Sibt, it-18 ta’ Mejju, il-Ministru Abela kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ membri tad-dijaspora Maltija fil-Greċja, fosthom dixxendenti tal-Mro Carlo Diacono. L-ewwel Malti li nafu bih li mar joqgħod għal kollox il-Greċja jmur lura sal-1819. Illum il-ġurnata hemm ’il fuq minn 4,000 ċittadin Malti jew persuna ta’ demm Malti fil-Greċja. Huwa nnota li l-membri tad-dijaspora jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jilħqu bilanċ bejn, fuq naħa, li jżommu kuntatt ma’ art twelidhom – jew art twelid l-antenati tagħhom – u, fuq in-naħa l-oħra, il-bżonn li jintegraw għal kollox fil-pajjiż fejn qegħdin issa. Huwa inkoraġġixxa lill-Maltin tal-Greċja biex jieħdu vantaġġ mill-fatt li huma “ta’ ġewwa” kemm ma’ Malta kif ukoll mal-Greċja, u jikkontribwixxu għall-avvanz taż-żewġ pajjiżi.

Tul iż-żjara uffiċjali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja, Joseph Cuschieri.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend