Ġnien il-Mediterran f'Raħal Ġdid se jinbidel fi ġnien tal-ogħla livell | One News

Notifiki

Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid se jinbidel fi ġnien tal-ogħla livell

Bħalissa għaddej pjan ta’ ħidma fi Ġnien il-Mediterran li jinsab f’Raħal Ġdid sabiex dan ikun jista’ jitgawda aħjar minn kull min iżur din il-lokalità. Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, Silvio Parnis żaru l-ġnien biex jagħtu aġġornament dwar il-pjan ta’ riġenerazzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, José Herrera qal li permezz ta’ Ambjent Malta se jimpenjaw ruħhom biex dan il-ġnien jiġi riabilitat, jitħawlu numru konsiderevoli ta’ siġar u arbuxelli u jerġa’ jitpoġġa fl-istat oriġinali tiegħu ħalli jitgawda min-nies tal-madwar.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, Silvio Parnis qal li dan huwa wieħed mill-akbar ġonna fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, imma sfortunatament ftit huma dawk li jafu bih. Huwa qal li biż-żoni pedonali, biż-żieda ta’ siġar, bil-ġibjun li diġà nbena, bis-sistema ta’ irrigazzjoni, u b’żidiet kruċjali oħra, dan il-ġnien se jinbidel fi ġnien tal-ogħla livell. Kompla billi qal li meta jkun lest, dan il-ġnien ta’ madwar 30 tomna għandu jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għal kull min iżur din il-lokalità u jagħti spinta lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Is-Segretarju Parlamentari għalaq billi semma l-ġnien vertikali li se jinbena fiż-żona tal-pjazza, ġnien li bla dubju se jkompli jsebbaħ din iż-żona tal-lokal.

Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima qal li jinsab tassew grat għall-impenn li qed juri l-gvern fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid, bit-talbiet li qed isiru mill-kunsill lokali f’isem ir-residenti li qegħdin jinstemgħu. Xhieda ta’ dan huwa l-ġnien vertikali li huwa pjanat li jsir mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet. Is-sindku għalaq billi qal li flimkien qegħdin verament nagħtu dehra ġdida lil din il-lokalità.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend