'Erġgħu kunu miegħi biex tassew naħdmu favur Malta' – Il-PM | One News

Notifiki

‘Erġgħu kunu miegħi biex tassew naħdmu favur Malta’ – Il-PM

“Ejja nistaqsu lil poplu jekk hux qed naħlu l-flus billi ninvestu fl-infrastruttura u t-toroq tal-pajjiż.”

Hekk saħaq il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività politika fil-Fgura.

Quddiem folla kbira li ħonqot Vjal il-Kottonera, il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat tkellem dwar id-differenza kbira li l-poplu jista’ jara waqt id-dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja fuq ix-xandir nazzjonali.

Spjega kif skont Dr. Adrian Delia, il-Gvern qed jaħli l-flus billi vvota seba’ mitt miljun ewro biex jirranġa t-toroq kollha tal-pajjiż fuq medda ta’ seba’ snin.

Il-Prim Ministru ta wkoll argumenti mimlija kontradizzjonijiet li qed tressaq ‘il quddiem l-Oppożizzjoni ta’ Adrian Delia.

Spjega kif filwaqt Delia jimbotta l-ħsieb li l-Partit Nazzjonalista jħaddan l-ideal Ewropew, imbagħad ma jemminx fi prinċipju kardinali tal-Unjoni Ewropea tal-libertà tal-moviment tan-nies.

“Fuq naħa jgħid li hu Ewropew imbagħad huwa kontra l-barranin li sebgħa minn kull għaxra minnhom li qed jaħdmu f’pajjiżna ġejjin minn stati membri”, qal Dr. Muscat.

Fost iċ-ċapċip u l-merħba sabiħa li ngħata l-Prim Ministru fil-Fgura, Joseph Muscat saħaq li huwa jmexxi l-moviment tax-xogħol.

Filwaqt li rrefera għall-ħolqien ta’ impjiegi f’settur ġdid bħal ma huwa dak tal-logħob diġitali, huwa spjega kif b’dan il-Gvern hemm garanzija li x-xogħol se jibqa’ jinħoloq.

Il-Prim Ministru fakkar li huwa ma jiddejjaq xejn li nhar is-Sibt li ġej imur quddiem il-poplu biex joqgħod għall-verdett tagħhom.

Spjega kif il-viżjoni tiegħu kullħadd jaf x’inhi u għalhekk l-għażla hija bejn Joseph Muscat u Adrian Delia.

Irrimarka li kull vot jgħodd għaliex l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew hija għal kollox differenti minn dik ġenerali u għalhekk saħaq li jeħtieġ nivvutaw lil kandidati kollha tal-Partit Laburista li tassew jaħdmu fl-interess ta’ pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend