Il-Gvern ħabbar li aktar tard din is-sena se jibda jagħti ħlas ex grazia u ta’ darba mifrux fuq medda ta’ snin lill-ex ħaddiema tal-korpi li wara ngħaqdu ma’ entitajiet pubbliċi.
Dan biex jissolvew darba għal dejjem każijiet pendenti li ffaċċjaw dawk li kienu f’’dawn l-entitajiet, fosthom eks ħaddiema tat-Telemalta , eks ħaddiema tal-Gas Board u eks-apprentisti tal-Malta Electricity Board.
Stqarrija tal-Gvern qalet li d-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Kabinett li ddiskuta każi pendenti ta’ dawk li bħall-membri tal-korpi tas-sebgħinijiet dak iż-żmien setgħu sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet anomali jew mhux favorevoli.
Il-Kabinett qies li għalkemm dawn kollha m’għandhomx bażi legali għat-talbiet tagħhom, madankollu qal li ċertu ċirkustanzi li esperjenzaw dak iż-żmien jistħoqqilhom li jkunu kkumpensati.
Il-ħlas ex gratia ta’ darba jġorr miegħu rabta li l-applikant jirrinunzja għal kull pretensjoni oħra marbuta mal-iskema u jwaqqaf u jirtira kull kawża magħmula kontra l-Gvern.
L-ewwel pagamenti b’rabta ma’ din l-iskema se jsiru aktar tard din is-sena.