Ġustizzja mar-raħħala li għal snin twal twiegħdu fondi biex isaħħu l-infrastruttura | One News

Notifiki

Ġustizzja mar-raħħala li għal snin twal twiegħdu fondi biex isaħħu l-infrastruttura

Wara snin ta’ wegħdi fiergħa minn amministrazzjoni Nazzjonalista, ħamsa u erbgħin raħħal ingħataw fondi li twiegħdu lilhom biex isaħħu l-infrastruttura tagħhom: partikolarment it-tined.

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, li spjega kif il-Gvern temm proċess importanti mar-raħħala tal-baqar li kienu ilhom tnax-il sena jistennew dawn il-fondi.

Qal li “Baqa’ l-aħħar ftit raħħala li se nħallsuhom għall-investimenti li għandhom u jkunu jistgħu jgħalqu d-dejn li għandhom mal-banek tagħhom u jkunu jistgħu jikbru fl-attivita agrikola tagħhom.”

Ir-raħħal Għawdxi Krispin Parnis stqarr li għal diversi snin kellu jiddejjen, u żamm lura milli jimxi ’l quddiem minħabba nuqqas ta’ fondi li kienu twiegħdu lilu.

Spjega li “Kulħadd jipprova jimxi ’l quddiem u ma jistax għax dejjem ikollu dak is-sapport ta’ flus imwegħdin u ma ingħatawx issa dal-Gvern mexa ma’ kulħadd sewwa u ta dak li ħaqqu lil kulħadd.”

Bħalu jaħsibha Brian Vella, li stqarr kif riżultat ta’ impenn politiku, qed issir ġustizzja ma’ għexieren ta’ raħħala.

Qal li “Din kienet xi ħaġa li fuqha għamlu ħafna commitments ir-raħħala tagħna u kienu jgħodduha parti mill-fondi li se jieħdu lura u llum rajna xi ħaġa sseħħ li mhux mill-aspett finanzjarju biss kienet pożittiva imma anki mill-att ta’ ġustizzja.”

Biex issa, bil-fatti, ir-raħħala ingħataw dak dovut lilhom, u jistgħu jħarsu ’l quddiem biex ikabbru l-attività agrikola tagħhom.

Qal li “Ħa nkun nista’ nerġa’ nibni u inkompli nkabbar u nagħmel investiment aħjar filfatt diġa applikajt u għandi lit-tifel ukoll fil-Young Farmers għax qed jara futur aħjar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend