Qabad ritmu tajjeb ix-xogħol fuq sit ieħor ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Swatar. Dan ix-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ 73 appartament qed isir b’investiment ta’ €6.2 miljun.
Is-sit huwa mifrux fuq 11-il elf metru kwadru, b’27 appartament b’kamra tas-sodda waħda, u 46 appartament b’żewġt jew tlett ikmamar tas-sodda.
17-il appartament se jkunu aċċessibbli għal persuni fuq siġġu tar-roti, filwaqt li kważi l-appartamenti kollha se jkollhom spazju miftuħ bħal terazzin jew btieħi interni.
Flimkien ma’ dan il-proġett se jinbena spazju miftuħ ta’ 400 metru kwadru.
Ix-xogħol beda f’Jannar li għadda, u sa issa tlesta x-xogħol tal-pedament filwaqt li bdew tilgħin l-ewwel ħitan.
Waqt żjara fuq is-sit is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li sa April li ġej se jkun tlesta l-qafas tal-binjiet biex wara jissokta x-xogħol biex jibdew jingħalqu.
“Il-commitment tagħna hu li nkomplu nindirizzaw b’politika olistika tal-housing, skemi differenti, għajnuniet differenti għal faxex differenti fis-soċjetà,” saħaq is-Segretarju Parlamentari.
Min-naħa tiegħu il-Ministru Konrad Mizzi responsabbli minn Malita Investments li qed tiffinanzja dan il-proġett, qal li kulħadd għandu dritt għall-housing diċenti u mobilità soċjali, u li l-housing għandu jilħaq lil kulħadd.
Fakkar fl-iskemi li daħħal dan il-Gvern fosthom dik tal-first time buyers u dik imħabbra tal-equity sharing li se tgħin persuni ta’ aktar minn 40 sena biex ikunu jistgħu jissellfu mill-bank. Spjega iżda li fadal sfidi li jridu jiġu indirizzati biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu.
“Bħala gvern qed nipprovdu s-soluzzjonijiet kollha, jonqsu ħafna gaps oħrajn x’nindirizzaw pero fis-snin li ġejjin għandna pjan biex nindirrizzawhom,” spjega l-Ministru Mizzi.