Wieħed mill-akkużati bil-‘hi-jack’ tal-ajruplan tal-‘Afriqiyah Airways’ f’Diċembru 2016 f’pajjiżna, Shaha Ali Ahmed ammetta l-akkużi miġjuba kontrih mill-Pulizija fil-Qorti. Ahmed għamel dan aktar minn sentejn wara li seħħ il-każ nhar it-23 ta’ Diċembru tal-2016. Filfatt issa l-qorti ser tkun qed tieħu l-passi neċċessarji biex il-każ jintbagħat għand l-Avukat Ġenerali fi żmien tliet ijiem, filwaqt li jiġi nnotifikat ir-reġistratur tal-Qorti Kriminali. Dan sabiex eventwalment tkun il-Qorti Kriminali li tieħu kojizzjoni tal-każ fiż-żmien stipulat mil-liġi.
Flimkien ma’ Shaha Ali Ahmed, qed jiġi akkużat ukoll Moussa Saha li kienu tressqu l-qorti nhar il-Milied ta’ tliet snin ilu, propju jumejn wara li seħħ l-attakk. Huma kienu ġew akkużati li b’mod gravi intimidaw popolazzjoni filwaqt li ġiegħlu gvern jew organzizzjonijiet internazzjonali milli jwettqu xi att u gravamen jiddestabilizzaw l-istrutturi fundamentali politiċi ekonomiċi u soċjali. Ġew akkużati wkoll li kienu qed jagħmlu servizz illegali b’theddid ta’ forza u forma ta’ intimidazzjoni.
Ali Ahmed kien għadu qed jinżamm arrestat fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, filwaqt li sieħbu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest bil-każ għadu qed jinstema’ fil-Qorti.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu.