Tnediet l-iskema ta’ Equity Sharing li tapplika għal persuni li għandhom 40 sena jew aktar u li qegħdin isibuha diffiċli jixtru r-residenza tagħhom.
L-iskema se tkun qed taħdem b’ dan il-mod: billi dawk eleġibbli jixtru mhux anqas minn nofs il-propjetà waqt li l-parti l-oħra se tkun qed tixtriha l-Awtorità tad-Djar, bl-applikant ikollu l-obbligu li jixtriha mingħand l-istess awtorit bl-istess prezz akkwistat minnha wara għoxrin sena.
Din l-iskema hija possibli permezz ta’ ftehim mal-bank APS li se jagħti self ta’ €160,000 biex tinxtara proprjetà fi stat finished u abitabbli u sa massimu ta’ €200,000 għal stat shell.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat kif l-awtorità se tiffinanzja bejn €20,000 u €100,000 għax-xiri ta’ proprjetà li ma teċċedix il-€200,000 u li f’każ li l-applikanti ma jkunux f’pożizzjoni finanzjarja li jixtru s-sehem l-ieħor, it-tfal jew l-eredi tagħhom se jingħataw l-opportunità li jagħmlu dan.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li din il-miżura hija parti minn strateġija ħolistika fil-qasam tal-housing u akkomodazzjoni affordabbli f’pajjiżna. Huwa sostna li permezz tagħha l-Gvern qiegħed verament jara li jkun ta’ spalla għal dawk l-aktar vulnerabbli. Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet din l-iskema pożittiva mħabbra fil-baġit kien hemm il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-akkomodazzjoni soċjali, Roderick Galdes.