Kurt David Azzopardi ta’ 18-il sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli li l-Ħadd li għadda pprova jsuq fuq pulizija mara f’Bormla.
Azzopardi li ma jaħdimx wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih fosthom li pprova jweġġa’ gravi uffiċjal tal-pulizija, li naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li saq b’mod perikoluż u mingħajr liċenzja u polza tal-assigurazzjoni.
Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest li ngħata x-xahar li għadda.
L-Auvkat Mario Mifsud li deher għall-akkużat innota li l-inċident li nqabad fuq cameras tas-sigurtà ma seħħx kif allegat.
Il-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelisen mill-arrest u nnotat li ż-żagħżugħ reġa’ xellef difrejh mal-ġustizzja minkejja li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest dwar każ separat.
Il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni temporanja u wissietu li jekk jikser kundizzjoni minnha, jista’ jeħel sa sentejn ħabs u multa ta’ €7,000.