B’investiment ta’ €6 miljun il-Prim Ministru inawgura l-ewwel fażi tal-binja tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Traport fil-kumpless tal-MCAST f’Raħal Ġdid.
Fl-istess waqt il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija nieda l-istrateġija tiegħu għas-snin 2019-2021.
F’din l-inawgurazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat innota kif issa l-istudenti tal-inġinerija għandhom binja ġdida, flessibbli u ddedikata, b’apparat u faċilitajiet apposta għat-tagħlim u t-taħriġ tagħhom.
Il-Prim Ministru nnota kif is-suq tax-xogħol ta’ pajjiżna qed ikompli jitlob għal iżjed ħaddiema kwalifikati, fosthom inġiniera.
Innota wkoll kif fl-aħħar żmien issolviet il-kwistjoni tal-warrants tal-inġiniera li jkunu ħarġu mill-MCAST, biex anke dawn ikunu rikonoxxuti b’warrant.
Ħares ukoll lejn l-istrateġija tal-MCAST għas-snin li ġejjin, li tagħti priorità lill-kwalità tat-tagħlim u jitwessgħu l-imsieħba tal-Kulleġġ fost oħrajn.
B’hekk, tenna, l-MCAST ikun sinonimu ta’ kwalità – istituzzjoni li ssaħħaħ l-ekonomija u s-soċjetà ta’ pajjiżna.
Tenna għaldaqstant li l-Gvern huwa impenjat biex ikompli fl-iżvilupp tal-MCAST, biex jitjiebu r-riżorsi allokati, għall-ġid tal-istudenti u s-soċjetà.