Bid-diskors tagħhom,esponenti tal-Partit Nazzjonalista qed inisslu preġudizzju fil-konfront tal-persuni li huma mill-Kottonera jew jgħixu hemm. Tkellmu dwar dan id-Deputat Glenn Bedingfield u s-Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali, Lydia Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet l-għada li l-whip tal-grupp parlamentari nazzjonalista Robert Cutajar, individwa l-Kottonera bħala post fejn hemm iktar kriminalità.
“Il-Partit Nazzjonalista għadu jmexxi bil-politika ta’ aħna u huma. Il-kriminalità m’għandhiex residenza. Ma nistgħux nindividwaw żona ta’ pajjiż. Dawn it-tip ta’ argumenti ma jagħmlu ġid lil ħadd,” qalet Abela. Żiedet li dan huwa ħsieb ta’ min jemmen li xi żona għandha xi ħaġa iktar jew inqas minn żoni oħra. Fakkret kif din mhix l-ewwel darba u l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien diġa’ tkellem b’dan il-mod dwar in-nies tal-Kottonera.
Id-Deputat Bedingfield sostna li dan il-preġudizzju ma twelidx illum. Fisser kif is-sena l-oħra l-kriminalità naqset madwar il-pajjiż u dan kien rifless fil-lokalitajiet tal-Kottonera wkoll.
“Kellu jkun dan il-gvern li poġġa l-Kottonera fil-prijoritajiet tiegħu,” qal Bedingfield li spjega kif din hi mibnija fuq proposti li ġejjin mingħand in-nies. Tkellem kif kummenti bħal dawk li saru minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista jindirizzaw lil dawk li dejjem għexu l-Kottonera u dawk li llum għażlu li jmorru jgħixu l-Kottonera.
Iż-żewġ kelliema fakkru kif fost it-23 lokalità li fihom ma kinetx issir elezzjoni li kien għall-Partit Nazzjonalista kien hemm ħafna fin-nofsinhar tal-pajjiż, fosthom dawk tal-Kottonera. Għalhekk, appella Bedingfield, is-Sibt li ġej in-nies tal-Kottonera għandhom joħorġu jivvotaw.