Għas-sitt sena konsekuttiva il-KSI għamlet qligħ u rdoppjat il-hidma tagħha fuq is-sena 2017 b’surplus ta’ 6 miljun Euro, liema flus qed jiġu investiti mill-ġdid biex jsiru proġetti li kienu ilhom jistennew għal snin sħaħ. Il-korporazzjoni għandha dejn relativament baxx ta’ 68.8 miljun Ewro meta imqabbel ma 106.5 miljun fis-sena 2013.
Dan ħareġ wara li ġie ppublikat ir-rapport annwali tal-2018, li fih hemm rendikont tar-riformi, proġetti infrastrutturali kbar, negozju ta’ 94 miljun Euro u korporazzjoni aktar iffukata fuq il-konsumatur.
Fis-sena 2018 ħloqna identita’ gdida, struttura interna tal-management kif ukoll website ġdid. Dawn qed iwasslu għal korporazzjoni aktar iffukata fuq il-klijent.
Ix-xogħol biex inaqqas it-telf tal-ilma żdied u bis-saħħa ta’ hekk, matul is-sajf meta l-konsum ikun fl-ogħla livelli minħabba turizmu fl-eqqel tiegħu, il-korporazzjoni xorta waħda rat tnaqqis fit-telf tal-ilma.
Is sena 2018 kienet ta’ success ukoll għan-New Water jigifieri l-Ilma Gdid li jintuza mill-bdiewa. Wara l-ftuħ uffiċjali tal-impjant taċ-Cumnija f’Gunju tal-2017, is-sena li għaddiet l-impjanti f’Għawdex u fin-nofsinhar ta’ Malta kienu inawgurati ukoll.
Ta’ aktar interess ghall-konsumaturi, fl-2018 madwar 2,800 persuna kienu nfurmati li setgħu kellhom ħruġ tal-ilma ġewwa djarhom mingħajr ma kienu jafu. Saru l’ fuq minn 3,000 zjara fil-propjetajiet tan-nies biex jiġu nvestigati rapporti ta’ konsum għoli jew inkella dħul ta’ ilma minn barra.
Il-Kap Ezekuttiv Richard Bilocca radd ħajr lill-ħaddiema għar-riżultati tajbin li kisbu u qal li s-sena 2019 ser tkun ta’ sfida akbar. ‘Ser niffukaw biex ma nitilfux ir-rankatura li għandna u biex inkomplu inġeddu l-korporazzjoni, u b’hekk dejjem inżommu l-klijenti quddiem għajnejna u fil-qalba tax-xogħol kollu li nagħmlu.’